Analiżi | Iddominata mill-Covid, imma mhux biss ... l-ewwel sena ta' Robert!

Għaddiet sena minn meta Robert Abela sar PM u Mexxej Laburista.  Mur għidilna x'kellu jiġri!  Pandemija li mhux biss ħasdet id-dinja imma waqqfet l-ekonomija.  Apparti l-isfidi l-oħrajn: Governanza, ambjent, immigrazzjoni u aktar.  L-ILLUM tanalizza ...

Għaddiet sena!  Sena minn meta ġurnalisti minn kull dar tal-midja f'Malta u anke numru ta' djar tal-midja minn madwar id-dinja kienu preżenti għal dik li dehret bħala waħda mill-aktar elezzjonijiet organizzati kemm ili nsegwi elezzjonijiet, minn fuq it-TV jew inkella bħala ġurnalist.  

F'din il-ħarġa se nanalizzaw l-aqwa ta' Robert Abela u fejn żbalja jew fejn kien ħażin fl-ewwel sena tiegħu bħala Prim Ministru kif ukoll bħala s-seba' Mexxej tal-Partit Laburista. 

Il-fjask tal-Miżieb

F'din l-ewwel sena l-Gvern ta' Abela qala' ħafna kritika minħabba l-famuż ftehim mal-FKNK għal-kustodja tal-art tal-Miżieb.  Il-problema kienet aktar il-mod kif sar l-eżerċizzju ta' relazzjonijiet pubbliċi, milli l-ftehim innifsu. 

Għal jiem tħalliet tingħata l-impressjoni forsi minn għaqdiet u uħud li ma kinux infurmati tajjeb li din l-art se tingħalaq għall-aċċess pubbliku waqt l-istaġun tal-kaċċa tal-Ħarifa, li huwa prattikament kważi kuljum f'dan iż-żmien.  Issa kull min imur jimxi l-Miżieb jaf li matul il-jum ma jkunx hemm kaċċaturi, iżda setgħet ingħatat l-impressjoni li grazzi għal dan il-ftehim l-għeluq ta' din l-art msaġġra u enormi għad-daqs ta' Malta, se jkun infurzat. 

Dan kollu kkulmina fl-akbar żball.  Li mingħajr sejħa għall-midja u l-pompa li s-soltu mdorrijin biha meta jsir xi ftehim jew jitħabbar proġett, kien iffirmat il-ftehim minn wara dahar il-midja. 

Dan wassal għal rabja u kritika qawwija lejn il-Gvern u lejn il-Ministru Aaron Farrugia mhux biss minn numru ta' għaqdiet iżda fuq il-midja soċjali kollha, inkluż minn nies li ġeneralment aktar jappoġġjaw lill-PL. 

Pero' din il-mewġa ta' kritika setgħet tkun kollha kemm hi evitata, kieku l-poplu ingħatalu l-kuntratt mill-ewwel u kien hemm spjegazzjoni u assigurazzjonijiet ċari mill-ewwel!  

Dan kien fjask ta' relazzjonijiet pubbliċi, li Abela seta' evita faċilment!

Malta tibqa' fil-wiċċ waqt il-Covid-19 u miżuri ta' fejda

Minkejja li ħadna daqqa - soċjalment u ekonomikament u minkejja li l-pandemija ħalliet u għadha qed tħalli l-effetti tagħha fuq diversi setturi, primarjament - it-turiżmu, l-akkomodazzjoni, l-avjazzjoni, il-bejgħ bl-imnut u t-trasport - xorta jibqa' fatt li jidher illi l-pajjiż baqa' fil-wiċċ ekonomikament u kien evitat diżastru ħafna akbar ta' qgħad u fallimenti.  

L-aktar miżura kruċjali kienet is-Suppliment tal-Paga, li għenet mhux ftit biex il-Gvern jilqa' għall-akbar spiża ta' eluf ta' kumpaniji - il-pagi.  Kieku ma saritx din il-miżura l-probabilità hija li ħafna kumpaniji diġa' rrevedew il-pagi drastikament, inkella saħansitra n-numru ta' impjegati li jħaddmu.  It-tibdil fil-mod kif titħaddem is-sistema issa jagħmel aktar sens u tidher li hija aktar ġusta - biex min l-aktar li qed isofri telf ikun l-aktar li jieħu.  B'hekk il-kumpaniji bħal joħorġu mis-sistema tas-suppliment, inqas kemm ikunu qed jesperjenzaw telf. 

Miżuri oħrajn pożittivi li qed inaqqsu mhux ftit mill-uġigħ ekonomku u finanzjarju kienu l-moratorji, ir-roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma għan-negozji, żidiet fi ħlas lil carers, għajnuna għall-kirjiet tal-ħwienet u naturalment il-vouchers tal-€100. 

Dawn kollha għenu biex għallinqas ir-rota baqgħet iddur xi ftit permezz ta' domanda domestika, b'weekend breaks, mawriet f'Għawdex, ikliet fir-ristoranti u aktar. 

Jiġifieri mil-lat strettament ekonomiku Robert Abela jista' jingħad illi mexxa lill-pajjiż fil-mewġ b'suċċess, sa issa, bl-UE saħansitra tbassar li Malta se tkun fost l-ewwel ekonomiji li jirkupraw. 

Mewġ u 'business as usual'

Jidher ċar li Abela għandu problema, li minkejja li ġabitlu ħafna kritika u saħansitra redikolu fuq il-midja soċjali - ma jidhirx li għadu fehem biżżejjed. 

Filwaqt li l-pożittività hija bla dubju aspett sabiħ, li kulħadd japprezza u li Abela qed juża biex joħloq paragun ma' dak li hu u l-PL jaraw bħala oppożizzjoni negattiva, xi kultant l-pożittività tista' tkun barra minn postha u tagħmlek tidher maqtugħ mir-realtà. 

U dan huwa eżatt li ġara meta fis-Sajf li għadda - meta in-numri tal-każi tal-Covid-19 niżlu ħafna qal il-famuża frażi "diskors dwar it-tieni mewġa ... il-mewġ fil-baħar qiegħed." Din kienet l-akbar  - kif jgħidulha bil-Franċiż - faux pas ta' Abela.  Malli n-numri reġgħu bdew telgħin u jmissu total ta' każi rekord, apparti li bdew jiżdiedu l-imwiet, din l-istqarrija daret kontra Abela bil-qawwi. 

Imma l-problema hija li anke wara dakinhar reġa baqa' għaddej bi stqarrijiet li kienu wisq azzardati - 'ftit xhur oħra u kollox ikun warajna', qal ftit xhur ilu - mill-ġdid mhux hekk ġara.  U l-aħħar waħda li 'f'Mejju se nkunu business as usual' meta ftit jiem wara Chris Fearne qal li f'Mejju dawk kollha taħt il-55 sena se jibdew jingħataw l-appuntament f'Mejju! 

Dan saħħaħ immaġini fost setturi tal-popolazzjoni li ma kienx sensittiv biżżejjed għat-telf tal-ħajja u għall-biża' ġenwina li kellhom ħafna nies b'konsegwenza li kontinwament kien jidher li Fearne kien aktar fdat u meqjus aktar sobriju f'dak li jirrigwarda il-pandemija. 

Konrad b'daqqa ta' sieq 'il barra u miegħu oħrajn

Waħda mill-aktar affarijiet li qed tidher dejjem iktar ċara hija kemm - minkejja l-akkużi li huwa mmexxi minn Muscat - Abela qed juri mhux biss li huwa politiku b'karatteristiċi għalih imma wkoll li jneħħi u jwarrab lil kull min hu jara li huwa ta' xkiel. 

L-aktar tkeċċija spettakolari kienet bla dubju dik ta' Konrad Mizzi, minn Deputat Laburista u mill-Grupp Parlamentari wara li tħalla barra mill-Kabinett minn Abela. 

Hawnhekk Abela wera' illi fejn ma jasalx hu jiġbed lill-partit miegħu kontra l-persuna li jrid ineħħi hekk kif wara li Konrad Mizzi rrifjuta li jirriżenja mill-Grupp Parlamentari laqqa' lill-Eżekuttiv tal-partit li b'maġġoranza qawwija keċċiet lil Mizzi minn postu fil-partit.  Huwa spiċċa minflok deputat indipendenti. 

Bħal Konrad Mizzi spiċċaw barra miċ-ċentru tal-poter jew mill-Gvern nies bħal Neville Gafa' u anke Chris Cardona li ma baqax Deputat Mexxej tal-Partit Laburista wara li ntalab iwarrab minn Abela. 

Silvio Parnis, wieħed mill-ftit Deputati li taw appoġġ lil Abela fil-kampanja, ukoll spiċċa kien l-uniku wieħed li tħalla barra minn reshuffle tal-Kabinett - minkejja li diversi rapporti qalu li kien offrut xi ħaġa minflok id-dekasteru tal-anzjani.  Parnis kien qal illi ħassu mweġġa' b'dak li għamel il-PM fil-konfront tiegħu.

It-tneħħija ta' dawn in-nies tista' tiġi interpretata b'diversi modi:  Jew PM determinat li jnaddaf lill-Gvern, jew inkella Prim Ministru illi dak li jrid jagħmel jagħmlu mingħajr titubar - jew inkella, inqas kumplimentuża, Prim Ministru li jurik id-debba u jqabbiżlek il-ħmara, jidħaklek, iċapċaplek u fl-istess ħin ineħħik!

Gvern riformista ... indirizz sejru tan-nuqqasijiet istituzzjonali

Fl-ewwel sena tiegħu Robert Abela għamel diversi bidliet pożittivi u importanti fil-qasam tal-governanza u saltna tad-dritt - primarjament il-mod kif jinħatar il-Kummissarju tal-Pulizija.  Dan il-proċess fisser illi għall-ewwel darba fl-istorja il-ħatra tal-Kummissarju ma baqgħetx esklussivament f'idejn il-PM imma inqasmet ukoll fi proċess ta' selezzjoni u proċess ieħor ta' evalwazzjoni mill-Parlament.   Minkejja dan xorta kien hemm kritika għall-fatt li wara li jsir shortlisting  jkun il-Kabinett li jiddeċiedi l-isem tal-kandidat għall-Kummissarju li mbagħad imur għall-iskrutinju parlamentari. 

L-għażla finali tal-Gvern għal Angelo Gafa' kienet waħda li sa issa tgħaddi mit-test tal-akbar kritiċi tal-Korp tal-Pulizija fl-aħħar snin bil-qabdiet ta' droga jkomplu pero' wkoll bi żviluppi kruċjali fl-aktar investigazzjonijiet politiċi jaħarqu tal-aħħar snin. 

Ma' dawn wieħed irid iżid ir-riforma kostituzzjonali li qed issir u li tfisser - fost oħrajn - illi l-President tar-Repubblika se jibda jinħatar biż-żewġ terzi.  Riformi oħrajn fil-qasam ġudizzjarju  - li jkopru l-Avukat Ġenerali, il-ġudikatura u l-Ombudsman, fost oħrajn - qabdu rittmu u irċevew tifħir mill-Kummissjoni Venezja.

Captain Morgan u l-paroli populist!

Il-kwistjoni tal-immigranti hija waħda sensittiva ħafna u li tqajjem rabja u anke tħassib u xi kultant anke biża' fost sezzjoni mdaqqsa tal-poplu.  

Matul l-ewwel sena tiegħu rajna lil Abela jagħmel aċċenn partikolari fuq kemm Malta hija "full up" u kemm din hija problema u kemm hawn komunitajiet li mhumiex iħossuhom siguri minħabba dan.  Hawhekk dehret in-naħa ħafna aktar populista ta' Abela li fil-fatt - ftit li xejn ħa miżuri biex realment jonqsu l-barranin f'Malta sabiex ma nibgħux full up u l-komunitajiet tal-Ħamrun, San Pawl il-Bħar, Birżebbuġa u oħrajn iħossuhom "siguri."

L-aktar miżura jew soluzzjoni ta' ċerta portata kien meta żamm madwar 400 immigrant fuq vapuri tal-Captain Morgan.  Apparti l-aspett ta' kif intagħżlu l-Captain Morgan, ħafna iktar importanti kien l-aspett uman u l-effettività tal-istess miżura. 

Mil-aspett uman - hawnhekk kellek mijiet ta' nies 'l barra fil-baħar fuq dgħajsa b'mod indefinit.  Kienet ovvja li din is-soluzzjoni, minkejja li hija attentat biex Malta ssemma' leħinha, se tisplodi f'wiċċna għaliex huwa ovvju u naturali li umani, ppakkjati fuq dgħajsa bla prospetti se jirribellaw, xi darba jew oħra. 

U fil-fatt hekk ġara u l-immigranti qajmu rewwixta fuq waħda mid-dgħajjes u ħadu kontroll tagħha, bl-400 immigrant jiddaħħlu kollha f'daqqa. 

Minkejja li la kien uman u wisq inqas effettiv, dan il-pass wassal għal appoġġ qawwi lil Abela minn fost settur kbir tal-popolazzjoni, li iżda malajr darilha u bdiet tikkritikah wara li daħlu numru ta' dgħajjes f'pajjiżna minkejja li kienet għadha għaddejja l-pandemija u l-ajruport u portijiet kienu magħluqin. 

Divorzju, ugwaljanza ... u t-tikketta progressiva ta' Muscat

'Il-Moviment tal-Progressivi u l-Moderati' kienet stqarrija li kien ħareġ biha Joseph Muscat u li kien bena immaġini ta' mexxej liberali li jilleġiżla fejn ħaddieħor beża', ittituba jew ma riedx.  L-aktar eżempju ċar ta' dan hija l-Unjoni Ċivili l-ewwel imbagħad il-Liġi ta' Żwieġ Ugwali kif ukoll il-liġi tal-Ġeneru.  Dawn jibqgħu fost l-akbar kisbiet ta' Muscat, li żammew lis-settur aktar liberali ta' votanti - anke jekk mhux kuntenti b'ċerti skandli jew iddiżgustati b'assasinju u l-akkużi lejn nies bħal Keith Schembri - aktar predisposti li jivvutaw Labour. 

Dak il-momentum batta xi ftit bil-bidla fit-tmexxija tal-Partit Laburista.  Għalhekk kien ċar li l-PM kellu jerġa jfakkar li l-Labour ta' Abela għadu qed iżomm 'l fuq it-tikketta liberali - u għamel dan permezz ta' bidliet fil-Liġi tad-Divorzju.  Dawn il-bidliet qed jipproponu li jnaqqsu iż-żmien li koppja trid tkun ilha separata qabel tieħu d-divorzju u fil-proċess tnaqqas ħafna tbatijiet u litigar li ġieli jibqa' jkarkar xhur u snin.

Il-problema ta' Abela hija li sab Oppożizzjoni ħafna inqas intranżiġenti milli sab Muscat u Kap tal-Oppożizzjoni li kien lest jaqbel u jipproponi miżuri oltrè (manteniment tat-tfal, per eżempju). 

Xorta iżda kemm dawn il-bidliet kif ukoll oħrajn, bħal-Liġi għall-Ugwaljanza fil-Parlament, huma pożittivi u jserrħu ras il-votant liberali li l-PL għadu garanzija ta' titjib fil-qasam tad-drittijiet ċivili, ġustizzja soċjali u l-wens tal-vulnerabbli. 

Ambjent:  Bejn titjib u l-istatus quo

Settur importanti għal pajjiż żgħir bħal Malta jibqa' dak tal-ambjent - fil-verità settur li fuqu kemm taħt Gvern Nazzjonalista u anke fl-aħħar tmien snin saru żbalji - uħud minnhom kbar - kif ukoll allura saret kritika qawwija.

Hawnhekk il-ġudizzju dwar il-Gvern ta' Abela huwa xi ftit jew wisq mħallat, bejn it-tajjeb u bejn l-istatus quo - li frankament ifisser aktar qerda. 

Definittivament pożittiv il-fatt li Malta issa għamlet miri ċari dwar il-projbizzjoni tal-plastik.  Minn din is-sena se jieqaf il-bejgħ tas-single use plastics u mid-dieħla (2022) se jkun projbit li xi ħadd ibiegħ jew jixtri dan it-tip ta' plastik.  Il-Gvern imbarka fuq proġetti li se jiswew nofs biljun fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart:  L-impajnt Waste-To-Energy (Inċineratur), l-impjant organiku għall-produzzjoni tal-kompost u inċineratur ieħor żgħir buex jinħaraq skart kimiku. 

Naturalment dwar dan bosta jgħidu li l-bżonn ta' inċineratur huwa falliment tas-sistema u li mhux qed ikunu meqjusin biżżejjed alternattivi oħrajn.  Ir-residenti taż-żoni (Naxxar - Baħar iċ-Ċagħaq u Magħtab) ma tantx huma ferħanin lanqas. 

Saru wkoll diversi inizzjattivi pożittivi ta' 'greening' f'lokalitajiet bħal Birżebbuġa u Ħal Tarxien bl-użu ta' siġar indiġeni. 

 Minn angolu mhux daqtant pożittiv huwa l-fatt li matul dawn ix-xhur komplew diversi proġetti li fissru aktar talbiet jew proposti biex tittiekel aktar art - ftit minnha fertili u li qed tintuża mill-bdiewa - bħal fil-każ tal-Imrieħel, biex jitkabbru toroq. 

Il-ħmieġ fit-toroq - minkejja li baqa' jonqos - mas-snin baqa' problema pjuttost kbira u naturalment it-tniġġiż fl-arja - għalkemm naqas minħabba l-pandemija - baqa' problema wkoll b'Malta fost il-pajjiżi bl-ogħla rata ta' karozzi ras għal ras.

More in Politika