Claudio Grech bi rwol kruċjali; Responsabbli mill-politika, il-viżjoni tal-PN u l-Programm Elettorali

Claudio Grech huwa wieħed mill-aktar vuċijiet voċiferi fil-Partit Nazzjonalista favur li jkun hemm aktar uċuh ġodda fil-Partit, inkluż fil-Grupp Parlamentari wara l-Elezzjoni Ġenerali li jmiss

Fir-reshuffle tal-kelliema tal-Oppożizzjoni li ħabbar il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, id-Deputat Claudio Grech ġie fdat bi rwoli importanti u kruċjali għall-Partit Nazzjonalista fi triq lejn Elezzjoni Ġenerali.

Fil-fatt, fost irwoli oħra, Claudio Grech ġie fdat bit-Trasformazzjoni u l-Innovazzjoni tal-Politika tal-Partit Nazzjonalista, it-tfassil tal-viżjoni Soċjo-ekonomika tiegħu u anke l-implimentazzjoni tal-Policy Clusters li kien waqqaf l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia.

Apparti minn hekk, Grech huwa wkoll responsabbli mit-tfassil tal-Programm Elettorali tal-Partit Nazzjonalista, irwol meqjus imporanti ħafna.

Claudio Grech huwa wieħed mill-aktar vuċijiet voċiferi fil-Partit Nazzjonalista favur li jkun hemm aktar uċuh ġodda fil-Partit, inkluż fil-Grupp Parlamentari wara l-Elezzjoni Ġenerali li jmiss.

Din hija biss waħda mill-bidliet li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jgħaddi minnu fil-jiem li ġejjin. Fix-xhur li ġejjin, madwar Marzu, il-PN, skont l-istatut tiegħu, irid ilaqqa' Kunsill Ġenerali li jeleġġi nies ġodda fl-Eżekuttiv, biex imbagħad l-Eżekuttiv jagħżel is-Segretarju Ġenerali u karigi oħra importanti tal-amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista.

Bħalissa, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista huwa Francis Zammit Dimech li daħal fiż-żarbun ta' Clyde Puli anke jekk kellu jkun Segretarju Ġenerali interim sakemm jintemm il-proċess ta' riforma minn Louis Galea.

More in Politika