L-UE twiegħed li 70% tal-Ewropej se jieħdu l-vaċċin sas-sajf hekk kif l-ilmenti jiżdiedu

Hekk kif l-ilmenti jiżdiedu dwar programm ta' għoti ta' vaċċin li miexi wisq bil-mod, l-UE mistennija tiltaqa' biex tifformalizza pjanijiet dwar ċertifikazzjoni għall-ivvjaġġar

Minkejja ilmenti illi l-għoti tal-vaċċin qed isir wisq bil-mod, l-Unjoni Ewropea qed tinsisti li l-pajjiżi Ewropej ikunu laħqu l-mira ta' 70% tal-popolazzjoni li tkun ħadet il-vaċċin sas-sajf li ġej.  Dan hekk kif qed tiżdied il-pressjoni u anke l-kritika, fosthom lokalment, għaliex il-proċess ta' għoti ta' vaċċin huwa wisq bil-mod. 

Is-sit Bloomberg irrapporta lill-Kumissjoni Ewropea tgħid illi trid qbil mal-istati membri sal-aħħar tax-xahar għall-protokolli dwar iċ-ċertifikati li jitrattaw il-vaċċinazzjoni, liema ċertifikat ikun rikonoxxut u wżat fil-pajjiżi kollha tal-UE u jsir b'kollaborazzjoni mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa. 

Huwa mistenni li l-materja tkun diskussa llum stess fil-fatt, permezz ta' policy-paper li tipproponi kif din iċ-ċertifikazzjoni se tieħu post il-kwarantina mandatorja meta persuna tasal f'ajruport u allura tiffaċilità l-ivvjaġġar. 

Naturalment mhux kull pajjiż jaqbel ma' din iċ-ċertifikazzjoni f'dan il-punt, b'pajjiżi bħal Greċja jimbuttaw l-aktar għaliha sabiex isalvaw is-settur turistiku minn sajf ieħor magħluq li jwassal għal aktar għeluq u falliment ta miljuni ta' negozji.  

 

More in Politika