L-aktar storbjużi fl-Ewropa! Malti minn kull erbgħa jilmenta dwar l-istorbju mill-ġirien jew mit-triq

X'sar mill-Abbozz ta' Liġi għall-kontroll tal-istorbju? L-ILLUM tistaqsi iżda tibqa' bla tweġiba

Jew xi ġara tgħajjat mat-tfal u mit-tieqa ma’ ta’ faċċata jew inkella l-iskavar għal bini ta’ xi blokka appartamenti maġenbek. Ġej minn fejn ġej l-istorbju, il-Maltin jibqgħu l-aktar li jilmentaw li ma jistgħux joqogħdu għall-kwiet, lanqas fid-dar tagħhom stess.

Fil-fatt, skont stħarriġ tal-Eurostat, aktar minn kwart tal-popolazzjoni Maltija ma hija kuntenta xejn dwar l-istorbju li ġej jew mill-ġirien jew inkella mit-triq fejn jgħixu.

Kienu 28.3% tal-Maltin li ħadu sehem fl-istħarriġ li lmentaw dwar l-istorbju. Dan ifisser li persuna minn kull erbgħa ilmentat dwar storbju eċċessiv. Il-medja Ewropea kienet ta’ 17.3%.

Din lanqas ma kienet xi ħaġa ġdida. Fil-fatt, Malta ilha mill-2010 iżomm postha fuq nett tal-lista fost il-pajjiżi l-oħra kollha tal-Unjoni Ewropea. Il-persentaġġ ftit li xejn varja tul is-snin. 

Fl-2015 kienu 24.6% tal-Maltin li lmentaw dwar l-istorbju u l-aktar li lmentaw kien fl-2014 meta aktar minn 30% qalu li ma jifilħux aktar l-istorbju fit-triq fejn jgħixu.

Wara l-Maltin, b’26.6% kienu l-Olandiżi l-aktar li lmentaw dwar storbju li ġej mill-ġirien jew mit-triq fejn huma jgħixu u warajhom il-Ġermaniżi b’26.1%.

Mill-banda l-oħra, jidher li l-inqas li jbatu mill-istorbju huma dawk li jgħixu fil-Kroazja, l-Estonja u l-Irlanda.

Skont l-istess stħarriġ, kif wieħed jistenna, l-aktar li jilmentaw bl-istorbju huma r-residenti fl-ibliet.

Apparti minn hekk, hemm tendenza li l-proporzjon ta’ persuni li jilmentaw dwar l-istorbju li ġej mit-triq fejn jgħixu, jonqos hekk kif jiżdiedu l-membri tal-familja.

Dan ifisser li aktar ma jkun hemm persuni jgħixu taħt saqaf wieħed, inqas hemm ċans li dawn jilmentaw dwar l-istorbju li ġej mit-triq.

Fil-fatt dan jgħodd ukoll għal Malta. Kienu aktar minn 30% ta’ dawk li jgħixu waħedhom li lmentaw dwar l-istorbju. Mill-banda l-oħra, minn fost dawk li għandhom it-tfal li għadhom dipendenti fuqhom, kienu 26.8% li lmentaw dwar l-istorbju.

X’sar mill-abbozz ta’ liġi għall-kontroll tal-istorbju?

Il-gazzetta ILLUM ilha snin tistaqsi dwar liġi mwiegħda u li l-għan tagħha huwa li tnaqqas it-tniġġis ikkawżat mill-istorbju (noise pollution).

Fil-fatt, fl-2016, il-Ministeru għall-Ambjent, dak iż-żmien immexxi mill-Ministru Jose Herrera, kien waqqaf kummissjoni, li kellha taħdem fuq abbozz ta’ liġi li jikkontrolla l-istorbju eċċessiv f’Malta.

Il-kummissjoni kellha tkun magħmula minn rappreżentanti tal-Ministeru, il-Pulizija, id-Dipartiment għall-Gvern Lokali, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, id-Dipartiment għas-Saħħa Ambjentali, l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Konsumatur u l-Ministeru għall-Ekonomija, fost oħrajn.

Dwar dan, il-gazzetta ILLUM bagħtet tistaqsi lill-Ministeru għall-Ambjent fiex wasal ix-xogħol ta’ din il-kummissjoni u jekk għadux għaddej ix-xogħol fuq abbozz ta’ liġi.

L-eks Deputat Luciano Busuttil
L-eks Deputat Luciano Busuttil

Fl-1999 diġà kien hemm abbozz ta’ liġi ... baqa’ jġemma t-trab

Il-gazzetta ILLUM kitbet ukoll diversi drabi dwar abbozz ta’ liġi dwar il-kontroll tal-istorbju li kien kiteb l-eks Deputat Laburista Luciano Busuttil aktar minn 20 sena ilu u li fuqu qatt ma sar xejn.

Busuttil kien ippropona, biex ikun hemm ħinijiet speċifiċi dwar stabbilimenti u mużika. Kien ippropona li għandu jkun illegali li negozju fin-nofs ta’ żona urbana jikkawża storbju permezz ta’ mużika jew daqq ta’ strumenti bejn il-11:00p.m u s-7:00a.m “sakemm ma jkunux qegħdin jindaqqu f’bini magħluq bil-ħoss ma jinstemax minn barra l-bini.”

Fl-1999, Busuttil kien ippropona wkoll illi ma jkunx hemm xogħol ta’ kostruzzjoni u li allura jinkludi kostruzzjoni u skavar jew tħaffir, bejn is-6:00p.m u t-8:00am matul il-ġimgħa. U li ma jsir ebda xogħol nhar ta’ Ħadd jew fil-vaganzi.

Dwar l-annimali domestiċi, Busuttil kien ippropona illi jkun kontra l-liġi li annimali jitħallew jagħmlu storbju eċċessiv li jiskomoda jew jagħti fastidju.

Hu kien ippropona li l-ebda persuna ma tista’ toħloq ħafna storbju li bih iddejjaq lin-nies fit-toroq jew inkella l-bankini jew ħdejn il-binjiet. Ippropona wkoll li jkun kontra l-liġi li persuna permezz ta’ vettura, toħloq ħafna storbju sa madwar 30 metru miż-żona ta’ sptar jew istituzzjoni fejn ikun hemm nies morda, jew inkella istituzzjoni edukattiva (fil-ħinijiet li fihom ikunu preżenti l-istudenti).

Busuttil kien insista li minkejja li tkellem ma’ diversi Ministri tal-Ambjent, kemm Nazzjonalisti u anke Laburisti, l-abbozz tiegħu qatt ma ġie kkunsidrat.

Imma ma għandna l-ebda kontrolli fuq l-istorbju?

Anke jekk Malta għad ma għandha l-ebda liġi speċifika dwar it-tniġġis mill-ħsejjes, f’Lulju 2019 kien daħal avviż legali li jipprojbixxi d-daqq tal-mużika fl-istabbilimenti f’ċertu żoni turistiċi ta’ San Ġiljan u San Pawl il-Baħar wara s-1:00am jekk dan jistema’ mir-residenti.

Dan jgħodd għall-istabbilimenti li jinsabu f’dawn it-toroq:

Qawra jew Buġibba:

  • Triq il-Bajja
  • Parti minn Triq Sant Antnin
  • Parti minn Triq il-Pijunieri sa Triq il-Ħallel
  • Parti minn Triq il-Ħallel sa Triq iċ-Ċerna
  • Triq it-Trunċiera
  • Parti minn Triq il-Qawra minn Triq l-Istamar għal Triq it-Trunċiera.

Paceville:

  • Trejqet Dragunara
  • Triq il-Ġdida għal Triq Santu Wistin

Normalment, stabbilimenti mhux suppost idoqqu mużika għolja, li tinstema’ minn barra, wara l-11pm fiż-żoni kollha u wara nofsilejl fil-lokalitajiet ta’ Buġibba, il-Qawra u San Pawl il-Baħar (ħlief dawk fit-toroq imsemmija fejn il-mużika ma tistax tinstema’ minn barra wara s-1am).

Apparti minn hekk, fejn tidħol il-kostruzzjoni, kuntratturi mhux suppost jużaw makkinarju ta’ skavar qabel it-tmienja ta’ filgħodu. Xogħlijiet oħra ta’ kostruzzjoni jistgħu jibdew fis-7am.

Dan filwaqt li ma jistgħux jintużaw ukoll bejn is-2:00pm u l-4:00pm, wara t-8:00pm u matul il-ġurnata kollha tal-Ħadd jew f’festi pubbliċi.

Ta’ min ifakkar li anke fejn jidħlu l-festi hemm ħinijiet speċifiċi, fosthom anke dwar il-ħin li fih jista’ jinħaraq in-nar, partikolarment il-bomba.

Mill-istorbju fil-Belt għall-farmhouses f’Għawdex

L-ILLUM kemm-il darba kitbet ukoll dwar l-istorbju fil-Belt Valletta u anke dak ikkawżat minn gruppi kbar li jikru l-farmhouses f’Għawdex, kemm fi żmien il-festi u l-Karnival u anke tul ix-xhur tas-sajf.

Is-Sindku tal-Għarb, David Apap, saħansitra kien insista mal-gazzetta ILLUM li s-sidien tal-farmhouses għandhom jibdew jikkontribwixxu u jagħtu xi ħaġa lura lill-komunità, l-istess kif jagħmlu s-sidien tal-ħwienet u anke tal-lukandi u dan biex jagħmlu tajjeb għall-inkovenjenti li jistgħu joħolqu, kemm minħabba l-istorbju u anke minħabba l-parkeġġ.

Anke s-Sindku ta’ San Lawrenz, Noel Formosa, kien saħaq mal-gazzetta li kontinwament jirċievi lmenti mingħand residenti minħabba storbju li jkun ġej mill-farmhouses.

It-tnejn li huma saħqu li s-sidien tal-farmhouses għandhom ikunu aktar responsabbli tan-nies li jkollhom u saħqu dwar il-bżonn li l-kunsilli jingħataw aktar saħħa biex ikunu jistgħu jieħdu azzjoni huma stess.

Stħarriġ ieħor tal-Eurostat, ippubblikat mill-gazzetta ILLUM fis-17 ta' Ġunju 2018, kien wera kif ir-residenti Beltin huma l-inqas kuntenti bil-livell tal-istorbju u dan meta kienu mqabbla ma' residenti oħra tal-ibliet kapitali Ewropej.

Tant hu hekk li s-Sindku ta’ dak iż-żmien, Alexiei Dingli, kien saħaq li ma jaqbilx li jinħarġu permessi għal postijiet ta' divertiment fiż-żoni residenzjali u ppropona li s-sidien għandhom ikunu kostretti jinstallaw 'Sound Meters'.

L-għan ta' dawn is-'Sound Meters' huwa li jaqtgħu d-dawl awtomatikament meta l-livell tal-istorbju jilħaq ċertu livelli.

Anke s-Sindku preżenti, Alfred Zammit, saħaq kemm-il darba mal-gazzetta ILLUM li ma jridx li l-Belt Valletta ssir Paceville ieħor waqt li appella biex id-divertiment fil-Kapitali, ikun jixraq lill-Belt Valletta.

Minkejja dan, Zammit huwa ftit xettiku dwar li wieħed jillimita fejn jistgħu jinfetħu stabbilimenti bħal ristoranti u barijiet, anke għax kull żona fil-Belt Valletta hija żona residenzjali.

“Hemm ir-regolamenti u kulħadd jimxi magħhom. Ma jfissirx li għax għandek ristorant se tagħmel li trid,” kien saħaq Zammit

More in Politika