'Rapporti dwar nies fuq il-binja tal-Jerma jiġu rrappurtati lill-pulizija' - Sindku

Diversi żgħażagħ jidhru fuq il-bjut tal-binja dilapidata u mitluqa tal-Jerma.  Is-Sindku ta' Wied il-Għajn jgħid li kull rapport ta' persuni fuq il-binja jgħaddi għand il-pulizija li jieħdu azzjoni. Jilmenta wkoll dwar il-ħmieġ li jitħalla fuq il-post ...

Żgħażagħ fuq il-binja tal-Jerma
Żgħażagħ fuq il-binja tal-Jerma

"Aħna kull meta nirċievu rapporti, inkluż minn diversi residenti,  dejjem nirrapportaw lill-pulizija dwar nies fil-binja tal-Jerma u l-pulizija dejjem jiġu u jieħdu azzjoni."  Hekk sostna s-Sindku ta' Wied il-Għajn Mario Calleja ma' din il-gazzetta meta mistoqsi dwar il-preżenza ta' persuni - l-aktar żgħażagħ - f'dan il-post mitluq u perikoluż ukoll. 

Il-gazzetta ILLUM marret fuq il-post u rat, qalb it-telqa u l-ħmieġ li jiddominaw din iż-żona xi darba ta' lussu, żgħażagħ telgħin u neżlin fil-binja u saħansitra jitilgħu fuq il-bejt.  Mistoqsi jekk hux qed isir xi forma ta' monteraġġ, minħabba s-sigurtà tad-diversi persuni li jidhru illi qed imorru jużaw il-post, is-Sindku fakkar illi l-binja hija waħda privata u miftuħa u huwa diffiċli li twaqqaf lil xi ħadd milli jidħol, minkejja d-diversi barrikati u anke knaten li tpoġġew fuq il-post. 

Minn ritratti li din il-gazzetta ħadet sal-ġimgħa l-oħra stess diversi żgħażagħ saħansitra kienu fuq il-bejt, qed iqattgħu ftit mill-ħin liberu tagħhom waqt il-vaganzi fuq din il-binja kkundannata.

"Pero apparti milli jidħlu - għax kif għidna dik ma tantx tista' twaqqafha - hija għarukaża kbira l-ammont ta' ħmieġ li jitħalla minn nies hemmhekk.  Sa fdalijiet ta' ħnieżer wara xi majjalata insibu hemmhekk!" sostna Calleja.  "Imma jiena ma nistax naqbad u mmur innaddaf, għax mhux post pubbliku," ifakkar.

Dan huwa kkonfermat fil-fatt minn dak li rat din il-gazzetta hekk kif fost it-telqa tal-post kien hemm kull xorta ta' ħmieġ, l-aktar plastik. 

Is-Sindku temm jgħid illi kieku għall-Kunsill Lokali "ilu li sar xi ħaġa fuq dan is-sit."  Jgħid iżda illi kull darba li ssir proposta jkun hemm min jopponiha, "u daqqa għax għoli u daqqa għax baxx u daqqa għax appartamenti ... u ma sar xejn u baqa' hekk!"

Proposti li ġew deskritti bħala 'żvilupp massiċċ'

Proposti dwar l-art tal-Jerma ilhom isiru bl-Awtotità tal-Ippjanar tipproponi Pjan ta' Żvilupp għaż-żona fl-2020.  Fosthom kienet ipproponiet li fejn hemm il-lukanda illum l-art tintuża għal skopijiet turistiċi, pero' wkoll residenzjali u ta' kummerċ. 

Seba' għaqdiet non governattivi kienu fetħu protest ġudizzjarju bl-awtorità sussegwentement tirrevedi dan il-Pjan ta' Żvilupp.  Dan fost oħrajn minħabba li żona aċċessibbli għall-pubbliku kif ukoll sit ta' wirt storiku kienu inklużi fil-pjan ta' 100,000 metru kwadru.  

Propost li jsir kien hemm binjiet ta' 15-il sular li jinkludu lukanda u appartamenti.  Il-grupp Porto Notos kien issottometta pjanijiet fl-2018 li qed jipproponu 166 appartament ta' lussu, 250 kamra ta' lukanda, parkeġġ taħt l-art, ċentru ta' negozju u lido. 

Minkejja l-emendi, seba' għaqdiet - fosthom il-Moviment Graffitti u Flimkien għal Ambjent Aħjar -  baqgħu jopponu dan l-iżvilupp ta' "skala kbira" u li skont l-għaqdiet se twassal għal effetti detrimentali fuq ir-residenti.  Il-grupp qal illi dak li ġie propost huwa aktar mid-doppju tal-iżvilupp eżistenti. 

Is-Sindku tal-lokalità kien esprima ruħu favur il-bini ta' appartamenti ta' lussu fiż-żona.

More in Politika