‘Il-benefiċċji tal-vaċċin huma mijiet ta’ drabi akbar mir-riskji’ - Il-virologu Chris Barbara jwieġeb

Il-gazzetta ILLUM poġġiet mal-virologu Chris Barbara, wieħed mill-professjonisti mediċi li jinsab fuq quddiem fil-ġlieda kontra l-Covid-19 u staqsietu l-mistoqsijiet li bosta għadhom qed jagħmlu dwar il-vaċċin

Kulħadd irid li din l-imbierka pandemija tgħaddi darba għal dejjem. Kulħadd irid li l-ħajja terġa’ lura għan-normal malajr kemm jista’ jkun. Kulħadd irid li jarmi l-maskra. Madanakollu, mhux kulħadd irid jieħu l-vaċċin, anke issa li qed isir dejjem aktar disponibbli. Hemm min għadu jinsisti li mhux se jieħu l-vaċċin għax flok jisma' mill-awtoritajiet tas-saħħa lokali u internazzjonali, jippreferi jemmen xi ħaġa li xi ħadd jikteb fuq Facebook.

Propju għalhekk li l-gazzetta ILLUM poġġiet mal-virologu Chris Barbara, wieħed mill-professjonisti mediċi li jinsab fuq quddiem fil-ġlieda kontra l-Covid-19 u staqsietu l-mistoqsijiet li bosta għadhom qed jagħmlu.

Dak li għaddejin minnu huwa kważi kważi bla preċedent. Kemm aħna kunfidenti li l-vaċċin verament se jwaqqaf il-pandemija u jreġġa’ l-ħajja lura għan-normal?

Il-pandemija xi darba se tispiċċa żgur. Li l-Covid-19 jinqered assolutament le. Dan il-virus se jibqa’ jdur mas-saqajn kontinwament imma f’numru ħafna iżgħar li ma jkunx qed jikkawża pandemija. Biex ikollna pandemija, irid ikollok poplu sħiħ, f’dan il-każ globalment, li ma jkollux immunità kontra l-virus u allura l-virus jaqbeż fuq min jaqbeż se jinfetta. Jekk jaqbeż fuq ħaddieħor u jsib li għandu l-protezzjoni, għax għandu l-antibodies, għandu l-immunità, allura l-imxija se tieqaf. Sintendi, mhux kulħadd jista’ jieħu t-tilqima u mhux kulħadd se jieħu t-tilqima. Dan mhux il-pajjiżi kollha, bħal Malta, huma ffortunati biżżejjed li se joffru l-vaċċin. Se jkun hemm ċertu pajjiżi, fejn se jkun hemm nies li ma jkunux ħadu t-tilqima.

Tisma’ diversi jgħidu li ma jridux jieħdu l-vaċċin għax qed jibżgħu li mhux sigur. Tismagħhom jisħqu li s-soltu vaċċin idum snin biex ikun lest. Kif jista’ jkun li f’disa’ xhur tlesta vaċċin? Kif nistgħu nserrħulhom rashom?

Anke aħna t-tobba, inkluż jiena stess, tgħidx kemm qrajt fuq il-vaċċin qabel ma ħadt l-ewwel doża, biex inkun naf x’se jinjettawli f’idi. Huwa minnu li s-soltu vaċċin jiġi liċenzjat wara numru ta’ snin u din id-darba ġie lliċenzjat wara ftit xhur. Nista’ nagħtik ir-raġunijiet kollha għaliex kollox ġie aċċellerat.

L-ewwel u qabel kollox, ir-riċerka fuq vaċċin, normalment, iddum is-snin. F’dan il-każ ir-riċerka tal-messenger RNA (mRNA) qed nitkellem fil-każ ta’ Pfizer u l-Moderna u tad-DNA fil-każ ta’ AstraZeneca, kienet diġà lesta. Għaliex? Għax kellna l-virus kuġin tal-Covid-19, jiġifieri s-SARS, li l-kumpaniji kienu diġà għamlu ħafna riċerka fuqu biex ikunu jistgħu jagħmlu tilqima. Fi kliem sempliċi, dak il-homework kien lest. 

It-tieni nett, biex inti tagħmel tilqima, irid ikollok flejjes kbar. Miljuni jew mhux biljuni. F’dan il-każ, peress li kien hawn pandemija li qed taffettwa s-saħħa tal-bniedem u l-ekonomija tal-pajjiżi, diversi pajjiżi, inkluż l-Amerika, investew ħafna fondi biex it-tilqima tinstab malajr kemm jista’ jkun.

Hemm ukoll it-tliet stadji ta’ testijiet li vaċċin irid jgħaddi minnhom. Fl-ewwel fażi, it-testijiet isiru fuq l-annimali, imbagħad fuq grupp żgħir ta’ nies u wara fuq kwantità ta’ nies. Dawn l-istadji wkoll ġew aċċellerati għax il-voluntiera ġew imħallsa. Apparti minn hekk, ħadu sehem ħafna aktar nies. Jekk nieħdu l-Pfizer, din il-kumpanija għamlet it-testijiet mhux fuq 10,000 persuna imma fuq 44,000 persuna. Diġà n-numri huma kbar biżżejjed biex jekk kien hemm effetti sekondarji, wieħed kien se jinduna.

Hemm ukoll min jistaqsik dwar long-term side effects, jiġifieri effetti li jistgħu jibqgħu miegħek jew joħorġu wara xhur u snin. Anke fuq dawn iċċekjajt. Dawn il-vaċċini, li huma bbażati fuq il-Messenger RNA, ilna aktar minn għaxar snin nużawhom fil-kura għall-kanċer. Fi kliem sempliċi, il-proteini huma l-istess u ħadd ma kellu effetti sekondarji fit-tul. Jiġifieri l-effetti sekondarji huma ugwali għat-tilqim l-ieħor li nieħdu ta’ spiss, bħal dik tal-influwenza. Ma hemm xejn partikolari li jindika li l-vaċċin kontra l-Covid-19 qed joħloq xi problemi. 

L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċina wkoll ġieli tieħu xhur jew snin biex tagħti liċenzja lil vaċċin. Din id-darba, dan il-vaċċin dejjem tpoġġa fuq quddiem nett tal-aġenda għax kien hawn pandemija. 

Għalhekk huwa minnu li l-proċess ġie aċċellerat imma ma jfissirx b’daqshekk li l-prodott mhuwiex tajjeb.

Malli nieħu l-vaċċin nista’ ngħid li jien sigur u allura nista’ ma nilbisx il-maskra u ma nżommx distanza minn ħaddieħor?

Assolutament le. L-ewwel u qabel kollox l-ebda tilqima ma hija 100% effikaċi, jiġifieri ħadt it-tilqima u 100% li se tkun ħadmet fuqek. Mill-istudji li saru, dawn qed jgħidu li l-effettività tal-vaċċin hija tajba ħafna. Huwa effettiv 95%. 

Jista’ jkollok nies li fuqhom it-tilqima mhux se tkun ħadmet u allura ma tistax taqbad u tneħħi l-maskra. Il-maskri u dawk il-miżuri kollha ta’ mitigazzjoni, inneħħuhom biss meta l-awtoritajiet ikunu kunfidenti biżżejjed li l-imxija waqfet u meta l-virus jibda jaqbeż minn persuna għall-oħra u jsib li dik il-persuna protetta u għalhekk ikollok dik li nsejħulha herd immunity.

Aħna qed nikkalkulaw li biex nilħqu l-herd immunity, jiġifieri biex ikun hemm biżżejjed immunità fil-popolazzjoni, irid ikollok żewġ terzi tal-popolazzjoni li tkun ħadet it-tilqima.

Il-virologu Chris Barbara
Il-virologu Chris Barbara

Il-vaċċin kemm idum biex jaħdem, jew aħjar persuna kemm iddum biex tibda biżżejjed immunità kontra l-Covid-19?

Jekk tieħu l-ewwel doża, madwar 56% diġà se joffru ċertu element ta’ protezzjoni billi jkollok dawk l-antibodies, jiena nsejħilhom is-suldati fid-demm, li jibdew isaħħu s-sistema immunitarja. Wara 21 ġurnata, fil-każ ta’ Pfizer, terġa’ tieħu t-tieni doża. Biex ikollok livell ta’ protezzjoni tajba, jiġifieri tilħaq l-effettività ta’ 95%, iridu jgħaddu madwar ġimgħatejn oħra.

Mela inti ħadt l-ewwel doża, wara 21 ġurnata ħadt it-tieni doża u wara ġimgħatejn nistgħu ngħidu li inti protett. Almenu 95% ta’ dawk li jkunu għaddew minn dan il-proċess kollu, ikunu protetti.

Meta qed nieħu l-vaċċin jiena qed ningħata biċċa mill-virus? Jiġifieri jien nista’ ninfetta lill-ħaddieħor?

Le. Inti mhu se tieħu l-ebda virus fit-tilqima. Fi kliem sempliċi, kulma se tieħu fit-tilqima hija biċċa proteina li hija messaġġier u li se tidħol fiċ-ċelloli tagħna u li se tipproduċi dik ix-xewka, li jkun hemm fil-virus (aħna bl-Ingliż insejħulha spike), li l-ġisem tagħna se jaħsibha l-virus u jibda jiġġildilha, billi jiżviluppa dawk iċ-ċelloli bojod, l-antibodies. Kif ikollok dawn l-antibodies, inti se tkun protett mill-infezzjoni imma bl-ebda mod mhu se tkun infettat bil-virus u tkun tista’ tgħaddih lil ħaddieħor. 

Għalhekk jiena, li ħadt l-ewwel doża tat-tilqima, nista’ mmur ħdejn pazjenti oħra u mhux se nagħtihom il-virus, sintendi sakemm bqajt bilgħaqal u ma mortx xi party u ħadt il-virus mingħand xi ħadd.

Biex verament ngħidu li l-Covid-19 huwa xi ħaġa tal-passat biżżejjed li nħarsu lejn Malta biss? U jekk f’pajjiżna xorta waħda jibqgħu jiġu nies għal btala jew biex jgħixu u li ma jkunux ħadu l-vaċċin?

Għandek żewġ għażliet. Jew tingħalaq f’pajjiż għalik biex ma tkunx f’kuntatt mal-kumplament tad-dinja, jew inkella kull min se jidħol fil-pajjiż, jibqa’ jgħaddi minn dawk il-protokolli biex inti tkun ċert li ma jkunx infettat. Jekk ikun infettat, allura jista’ jgħaddi l-virus lil dik il-parti tal-popolazzjoni li ma tkunx protetta, jew għax ma ħaditx it-tilqima jew għax it-tilqima ma tkunx ħadmet fuqu jew fuqha.

Fid-dinja se jkun hawn biżżejjed dożi tal-vaċċin biex lill-pandemija nerbħulha darba għal dejjem? Il-vaċċin se jkun aċċessibbli għall-pajjiżi kollha, anke dawk l-inqas żviluppati?

Għalhekk issib istituzzjonijiet kbar bħall-Għaqda Dinjija għas-Saħħa biex dejjem jippruvaw jgħinu lil dawk il-pajjiżi li jew ma jistgħux jaffordjaw it-tilqima, jew inkella għal ċertu raġunijiet, ma setgħux idaħħlu t-tilqima fil-pajjiż. 

Illum pereżempju qed nippruvaw neliminaw ċertu viruses bħall-Polio. F’Malta l-aħħar każijiet li kellna ta’ Polio kien snin ilu. Imma f’ċertu pajjiżi, bħas-Sirja, għadna naraw każi ta’ dan il-virus. Ma jfissirx li għax hemm f’pajjiżi oħra, jekk Malta jidħol każ, kollha se niġu infettati.

Dan il-każ, huwa aktar diffiċli, għax għandna virus li jittieħed b’mod respiratorju, allura aktar jittieħed. Għalhekk importanti li nilħqu l-herd immunity. Jekk nieħdu l-ħożba, rajna li ħafna nies ilaqqmu lit-tfal tagħhom. Kien baqa’ xi ftit nies li baqgħu jibżgħu minn din it-tilqima għax darba kien hemm artiklu falz li jgħid li din it-tilqima tista’ tikkawża l-awtiżmu. Fil-fatt, xi sena jew sentejn ilu rajna ftit każi ta’ ħożba f’Malta li daħlu mill-Italja u pajjiżi oħra.

Għalhekk dawn huma viruses li rridu nidraw ngħixu bihom sakemm ma jinqatgħux. Imma diffiċli biex virus jinqata’ kompletament.

Jekk jiena kelli l-Covid-19 jew inkella għad għandi l-Covid-19, nista’ nieħu l-vaċċin?

Iva. Aħna dejjem nirrakkomandaw biex persuna li jkollha l-Covid-19, tħalli perjodu ta’ sitt ġimgħat minn meta t-test ikun ħareġ negattiv. Wieħed mill-ispeċjalisti tal-kumpanija Pfizer qed jgħidilna li kien hemm nies li kellhom il-Covid-19 u ħadu t-tilqima u ma kellhom l-ebda reazzjoni. Aħna ma nħobbux nieħdu riskju u għalhekk qed nirrakkomandaw li persuna tistenna sitt ġimgħat qabel tieħu t-tilqima.

Hemm vaċċini differenti. Hemm ta’ Pfizer, ta’ Moderna, ta’ Astra Zeneca u jista’ jkun hemm oħrajn ukoll. Jista’ jkun li mhux kulħadd se jkun qed jieħu vaċċin tal-istess ditta. Iżda hemm xi vaċċin aħjar minn ieħor? Se jkun hemm min hu protett aktar minn ħaddieħor?

Fejn tidħol l-effettività, bejn wieħed u ieħor, kollha jinsabu fl-istess ilma. Jista’ jkun hemm xi affarijiet fit-tilqima ta’ kumpanija li inti tkun allerġiku għalihom u għalhekk tkun allerġiku għal tilqima u mhux għal oħra.

Ma hemmx għaliex nieħdu t-tilqima tal-Covid-19. Nistgħu nieħdu t-tilqima tal-Epatite B. Hawn min meta tlaqqmu b’vaċċin ta’ ċertu ditta jirreaġixxi għaliha b’mod differenti minn ħaddieħor. F’dak il-każ, naqbdu tilqima ta’ kumpanija oħra u nagħtuha lilhom.

Għalhekk, il-fatt li hawn kumpaniji differenti u tilqim ta’ kumpaniji differenti hija xi ħaġa pożittiva ħafna.

It-testijiet li saru dwar il-vaċċin studjaw l-effetti li dan seta’ kellu fuq il-parteċipanti fuq perjodu qasir ta’ żmien. U jekk jgħaddu x-xhur jew is-snin u jibdew ħerġin effetti negattivi tal-vaċċin? Dan jista’ jseħħ?

Kif għedna qabel. Dan il-mekkaniżmu ta’ messenger RNA (mRNA), li huwa l-prinċipju ta’ kif qed jaħdmu dawn il-vaċċini, diġà qed jintuża fil-każ tal-kanċer. Din hija l-ewwel darba li qed jintuża fuq mard infettiv imma l-prinċipju huwa l-istess.

Jekk tieħu l-kumpaniji bħal Pfizer u AstraZeneca dawn huma kumpaniji li taw ħafna tilqim. X’aktarx li t-tilqim tagħhom diġà ħadnih. Kieku kellhom joħorġu xi effetti sekondarji fit-tul, kieku diġà ħarġu.

Sa issa x’nafu fuq l-immunità li jipproduċi l-vaċċin? Kemm iddum din l-immunità? Il-vaċċin se nibdew neħduh kull sena, kull sitt xhur, kull sentejn? Hemm bżonn nerġgħu niħduh? Għandna idea?

Din ma nistax inweġibha għax il-kumpaniji għadhom għaddejin bl-istudji dwar kemm iddum il-protezzjoni fuq persuna meta titlaqqam. Hemm min qed jgħidlek li din tant tistimola l-immunità tagħna li se żżommna protetti għal sentejn u hemm min qed jgħidlek li tista’ titlef l-effett tagħha wara sena.

Nerġa’ nieħu l-eżempju tal-Epitate B. Aħna li naħdmu fis-settur tas-saħħa, kull ħames snin nerġgħu niċċekjaw id-demm, biex naraw jekk l-antibodies tal-Epitate B bdewx neżlin, biex filkas nieħdu booster. 

F’dan il-każ ma nistax nagħtik risposta għax għadu kmieni wisq. Sintendi, ‘il quddiem se jkollna risposta għal din ukoll.

Għad hawn ħafna mistoqsijiet dwar persuni li jbatu minn allerġiji jew inkella mard serju. Min għandu jieħu parir mingħand it-tabib tiegħu qabel jieħu l-vaċċin? Min aħjar għalissa ma jiħdux?

Dejjem importanti li tkellem it-tabib tal-familja. Jekk hemm persuni li jbatu minn xi kundizzjonijet jew mard serju għandom ikellmu lill-ispeċjalista tagħhom.

Qed ngħidu li ma għandhomx jieħdu t-tilqima lil dawk li kellhom allerġiji serji, speċjalment għat-tilqim u żviluppaw anafilassi, jiġifieri ntefħilhom il-wiċċ, għonqhom, ilsienhom u saħansitra ħassewhom jaqtgħu nifishom.

It-testijiet saru fuq persuni li għandhom minn 16 jew 18-il sena ‘l fuq (skont il-kumpanija) u għalhekk mhux tingħata lill-persuni iżgħar. Ma sarux lanqas testijiet fuq nisa tqal u li qed ireddgħu. Għalhekk dawn mhux qed jingħataw it-tilqima.

Dawk li jkunu ma jifilħux sew dak il-ħin jew ikollhom xi deni qawwi, allura qed jintalbu jipposponu t-tilqima għal ġurnata oħra.

Lil min ibati minn allerġija ħafifa ħafna, aħna se nagħtuhom il-vaċċin imma se nżommuh għall-osservazzjoni ta’ nofsiegħa, biex jekk ikun hemm bżonn tingħata injezzjoni oħra.

Hawn ħafna fake news. Hawn ħafna nies jgħidu tagħhom! X’inhu l-appell tiegħek lil dawn in-nies?

Letteratura hawn ħafna imma persuna għandha dejjem tidħol f’siti tal-Għaqda Dinjija għas-Saħħa, taċ-Ċentru Ewropew għall-Kontroll tal-Mard jew inkella tal-awtoritajiet tas-saħħa Maltin. 

Jiena wieħed minn dawk li nemmen ħafna fit-tilqim għaliex naf li ħafna mill-mard li kien joqtol it-trabi fl-antik, li llum lanqas għandna noħolmu bihom, inqered propju minħabba t-tilqim.

Ma hemmx għaliex nibżgħu mit-tilqim. Il-benefiċċji tat-tilqim huma ħafna u mijiet ta’ drabi akbar mir-riskji. Inħeġġeġ lil kulħadd biex jieħu t-tilqima biex din il-pandemija nibdew neħilsu minnha.

More in Politika