Filmat | Bernard Grech jappella lill-PM biex Kenneth Grech jitpoġġa lura fuq il-Covid Response Team

Grech saħaq li quddiem kritika unanima il-Prim Ministru għadu jwebbes rasu u għadu ma ammettiex li żbalja

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, ħeġġeġ lill-Prim Ministru Robert Abela biex immedjatament idawwar id-deċiżjoni tiegħu u jpoġġi lil Kenneth Grech lura fuq il-Covid Response Team.

Id-deċiżjoni tal-awtoritajiet li jneħħu lil Grech minn fuq dan it-tim, kruċjali fil-ġlieda kontra l-Covid-19, qajmet rabja sħiħa lbieraħ fost it-tobba, il-unjins tal-għalliema u anke l-iskejjel tal-Knisja, li kollha kemm huma faħħru l-ħidma u l-pariri li dejjem ta l-istess Grech.

Skont l-Assoċjazzjoni tat-Tobba (MAM), il-Gvern neħħa lil Grech għax kien tal-opinjoni li l-iskejjel ma jiftħux. Iżda skont il-Gvern, Grech tneħħa biex ikompli bix-xogħol li kien qed iwettaq qabel, bil-għan li Malta tibbenefika minn fondi Ewropej u tkun tista' timplimenta l-Istrateġija Nazzjonali għas-Saħħa.

"F’mument daqsekk sensittiv, il-Prim Ministru lest jiffaċċja azzjoni industrijali mit-tobba, l-aqwa li jibqa’ jwebbes rasu u ma jħallix lill-professjonisti jiddeċiedu," saħaq il-Kap Nazzjonalista f'filmat. "Qed jgħidlek – jekk inti ġenitur tindaħalx għax hu biss jaf. Jekk inti għalliem tindaħalx għax hu biss jaf. Jekk inti infermier tindaħalx għax hu biss jaf. Issa anki jekk inti konsulent mediku qed jgħidlek - int tindaħalx għax hu biss jaf."

Kien għalhekk li Grech saħaq kif minkejja kritika unanima "għall-aġir irresponsabbli tiegħu," il-Prim Ministru għadu jwebbes rasu u għadu ma ammettiex li żbalja.

F'isem l-Oppożizzjoni Nazzjonalista, appella lill-Prim Ministru biex ipoġġu lil Kenneth Grech, l-id il-leminija ta' Charmaine Gauci, lura fuq it-tim strateġiku għall-ħidma kontra l-pandemija.

More in Politika