Aġġornata | Il-unjins tal-għalliema u l-iskejjel tal-Knisja mħassba dwar it-tneħħija tal-konsulent tas-saħħa pubblika

Il-MAM tgħid ukoll li bħalissa 'nies li ma għandhomx sens f’moħħhom' biss jikkunsidraw li joħorġu l-vouchers

Kenneth Grech (Ritratt: Malta Association of Public Health Medicine/Facebook)
Kenneth Grech (Ritratt: Malta Association of Public Health Medicine/Facebook)

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija kkundannat it-tneħħija ta' konsulent tas-saħħa pubblika, responsabbli mill-kordinazzjoni tal-COVID-19 fil-qasam tas-saħħa pubblika, li rrakkomanda kawtela dwar il-konsegwenzi li jistgħu jinqalgħu jekk jinfetħu l-iskejjel.

Kenneth Grech kien l-id il-leminija tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci.

Fi stqarrija, it-tobba qalu li l-kunsill tal-assoċjazzjoni se jkun qed jiltaqa' llejla biex jevalwa s-sitwazzjoni u jiddeċiedi r-reazzjoni tiegħu għal dak li sejħlulu bħala “episodju ta’ intimidazzjoni.”

It-tobba wrew ukoll “id-dispjaċir tagħhom” għax fi kliemhom il-politiċi se jibqgħu jieħdu deċiżjonijiet ibbażati fuq il-populiżmu minflok jisimgħu mill-esperti.

“Attività tal-massa għall-anzjani f’San Ġwann, kunċert mużikali fil-Belt, attivitajiet free-for-all għall-ewwel tas-sena f’diversi ristoranti u ħafna attivitajiet privati f’Għawdex, flimkien ma’ messaġġi konflinġenti mill-Gvern, waslu biex il-każi jisplodu minn 50 kuljum għal 200 kuljum f’temp ta’ ġimgħat,” komplew it-tobba.

Saħqu wkoll kif titjiriet regolari lejn ir-Renju Unit baqgħu jsiru kuljum minkejja dak li qed jintqal.

“Il-MAM hija konxja ta’ numru ta’ każi pożittivi minn persuni li qed jaslu mir-Renju Unit,” kompliet l-istqarrija.

It-tobba insistew li l-Gvern għandu jkompli jappoġġja lis-settur turistiku b’mod finanzjarju minflok jinkoraġġixxi mġieba li tpoġġi l-ħajja tan-nies f’riskju u jkomplu jagħmlu ħsara lill-industrija.

“Nies li ma għandhomx sens f’moħħhom biss jikkunsidraw li joħorġu l-vouchers f’dan l-istadju,” komplew jisħqu t-tobba. Fi kliemhom dan huwa każ ta’ kif jgħid il-Malti: “Tara sa mnieħrek u tgħaxxaqha.”

Temmew ifakkru li b’aktar minn 100 każ ġdid kuljum, qed jinħoloq riskju serju li l-isptar Mater Dei u s-swali mediċi, ma jkunux kapaċi jlaħħqu mal-pazjenti u li hemm bżonn miżuri biex in-numru jerġgħu jinżlu.

“Mietu wisq anzjani,” temmet tgħid l-istqarrija.

L-MUT tikkundanna....

Intant, fi stqarrija, l-MUT qalet li tinsab imħassba b'din l-aħbar u saħqet li "kull professjonist huwa fid-dmir li jagħti l-parir xjentifiku fil-qasam tal-ispeċjalizzazzjoni tiegħu u dan il-fatt ma jista’ qatt iwassal għat-tkeċċija tiegħu jew tagħha."

Għalhekk, l-MUT għamlet talba lill-Gvern biex  jirrevedi l-pożizzjoni tiegħu u jħalli lill-professjonisti kollha, inkluż u partikolarment dawk fil-qasam tas-saħħa, jaħdmu bla xkiel.

"Fl-aħħarnett dan ikompli jikkonferma dak li sostniet l-MUT dwar il-parir li kellu l-gvern," kompliet l-istqarrija.

Il-UPE "ixxukkjata"

Intant, il-Unjin Maltija għall-Edukaturi Professjonali wkoll qalet li tinsab "ixxukkjata" b'din l-aħbar.

"Il-Gvern ma għandux jindaħal fil-pariri mogħtija mill-professjonisti mediċi, għax dan l-indħil jista' potenzjalment iwassal biex il-każi jiżdiedu bla bżonn," saħqet il-Unjin.

Qalet ukoll li hi għadha ma qablitx mal-ftehim li ntlaħaq "minn wara l-bibien" bejn l-MUT u l-Gvern għax baqgħet ma rċeviet l-ebda dettalji.

L-iskejjel tal-Knisja jitolbu biex Grech jerġa' jitpoġġa fl-irwol tiegħu

Is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija wkoll wera t-tħassib tiegħu għat-tneħħija ta' Dr Kenneth Grech waqt li fakkar li mill-bidu tal-pandemija offra pariri importanti ħafna dwar il-ftuħ tal-iskejjel u l-miżuri li kien hemm bżonn fl-iskejjel.

Fakkar ukoll li Grech kien qed iwettaq xogħol "impekkabbli" bħala koordinatur tat-team tal-Covid-19 u dejjem ħadem biex jissalvagwardja s-saħħa pubblika.

Filwaqt li esprima s-solidarjetà tiegħu ma' Dr Grech, is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija u l-Assoċjazzjoni għall-Iskejjel tal-Knisja talbu biex jerġa' jingħata l-irwol li kellu "fl-interess ta' kulħadd.

More in Politika