Filmat | L-Air Malta twassal f'Malta l-ewwel dożi tal-vaċċin ta' Moderna kontra l-Covid-19

Aktar konsenji mistennija jaslu fil-ġimgħat li ġejjin hekk kif Malta għandha allokati 100,000 doża

Ilbieraħ filgħaxija, il-linja nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta, wasslet Malta l-ewwel dożi tal-vaċċin ta’ Moderna kontra l-Covid-19.

Aktar konsenji mistennija jaslu fil-ġimgħat li ġejjin hekk kif skont id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, Moderna se tibda tibgħat il-vaċċin kull ħmistax sakemm tkun bagħtet xejn inqas minn 100,000 doża.

Dan kien it-tieni vaċċin li ġie approvat mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċina.

Fi stqarrija, l-Air Malta spjegat kif kienet ilha xhur tipprepara biex tkun tista’ twassal Malta l-vaċċin kontra l-Covid-19 u għal dan kellha tirċievi ċ-ċertifikazzjoni kollha neċessarja filwaqt li taġġorna l-operat u l-proċeduri tagħha.

Dawn il-bidliet waslu biex l-Air Malta setgħet tuża l-ispazju li normalment jimtela’ mill-passiġġiera biex tkun tista’ ġġorr tagħmir umanitarju u mediku b’mod sigur.

“Ninsabu kburin li aħna parti minn din il-ħidma globali biex jitwassal il-vaċċin u ngħinu lill-gżejjer tagħna biex tikseb l-immunita kontra dan il-virus li kkawża ħafna ħsara,” saħaq iċ-Chairperson Eżekuttiv, David G. Curmi.

Apparti minn hekk, f’dawn l-aħħar xhur, Malta waslet aktar minn 2,600 tunellata ta’ merkanzija, inkluż mediċina, vaċċini, ilbies protettiv għall-infermiera u oħrajn.

 

More in Politika