‘Nistgħu nagħtu 10,000 tilqima kuljum ... imma mhux jaslu biżżejjed dożi’

Il-President tal-MUMN Paul Pace jisħaq li l-vaċċin kontra l-Covid-19 lanqas qed jieħu siegħa mix-xogħol tal-infermiera

Il-President tal-Unjin Maltija li tirrappreżenta lill-infermiera u lill-qwiebel, Paul Pace, saħaq mal-gazzetta llum li l-proċess tat-tilqim kontra l-Covid-19 miexi bilmod mhux għax ma hawnx biżżejjed riżorsa umana iżda għax mhux qed ikun hawn biżżejjed dożi disponibbli.

F’kummenti mal-gazzetta ILLUM, Pace insista kif anke jekk fl-aħħar jiem żdiedu l-persuni li qed jitlaqqmu, pereżempju f’Mater Dei l-għadd tela’ minn 50 għal 250 tilqima kuljum, il-proċess għadu miexi bilmod wisq.

Huwa kkonferma dak li qal id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, jiġifieri li Malta għandha l-kapaċità li tagħti 10,000 doża tal-vaċċin kuljum, iżda insista li l-problema hija n-numru ta’ dożi li huma disponibbli.

Fakkar ukoll li bħalissa f’Malta qed jasal biss il-vaċċin ta’ Pfizer li jdum aktar biex ikun ippreparat, għall-kuntrarju tal-vaċċin ta’ Moderna u ta’ AstraZeneca li ma jeħtieġx daqshekk preparazzjoni, anke għax jista’ jinħareġ minn friġġ u jiġi amministrat.

“Mhijiex kwistjoni ta’ riżorsa umana,” insista Pace u kien hawn li saħaq li lill-infermiera l-vaċċin lanqas siegħa xogħol fil-ġurnata mhu qed joħdilhom. “F’Mount Carmel qed jingħataw 20 doża kuljum. Kemm se ddum biex tamminstrahom?”

‘Paroli fil-vojt...’

Kien hawn li Pace saħaq li ma jagħmilx sens il-kumment tal-Prim Ministru Robert Abela meta qal li sa Mejju, il-pajjiż se jkun “business as usual.”

“Paroli fil-vojt. Far from int!” saħaq Pace.

Iżda l-ILLUM tfakkar lil Pace li issa ġie rrakkomandat ukoll il-vaċċin ta’ Moderna. Tfakkru f’dak li qal Fearne, jiġifieri li aktar ma jaslu dożi ta’ vaċċin, anke minn kumpaniji differenti, aktar jitħaffef il-proċess u aktar tintlaħaq malajr dik li qed tissejjaħ herd immunity, jiġifieri meta jkun hawn biżżejjed nies imlaqqma biex l-imxija tieqaf.

Skont l-awtoritajiet tas-saħħa, biex tintlaħaq il-herd immunity, tliet kwarti tal-popolazzjoni trid tkun tlaqqmet.

Madanakollu Pace kien ftit kawt dwar il-vaċċin ta’ Moderna u spjega kif l-Amerika qed tieħu l-akbar ammont ta’ dożi mingħand din il-kumpanija.

Fakkar li Malta tibda tieħu d-dożi tal-vaċċin ta’ Moderna malli dawn jingħataw lill-Unjoni Ewropea. Apparti minn hekk, Malta għandha allokati 100,000 doża ta’ dan il-vaċċin, ħafna inqas minn kemm għandna allokati mingħand Pfizer (670,000) u minn AstraZeneca (miljun).

Fil-fatt, il-Ministru Fearne stess qal li d-dożi tal-vaċċin ta’ Moderna se jaslu f’ammonti iżgħar minn dawk ta’ Pfizer u se tasal konsenja kull ħmistax.

‘Biex nilħqu l-herd immunity sal-aħħar tas-sajf minn issa rridu nlaqqmu numru kbir’

Għall-kuntrarju tal-Prim Ministru, il-Ministru Chris Fearne insista li Malta mistennija tilħaq il-herd immunity lejn l-aħħar tas-sajf.

“Biex naslu għaliha, minn issa rridu nibdew nlaqqmu numru kbir ta’ nies,” saħaq Pace.

Apparti minn hekk, il-President tal-MUMN kien xi ftit jew wisq kawt dwar il-kwistjoni tal-herd immunity, anke għax l-istudji li qed isiru mill-kumpaniji li qed jipproduċi l-vaċċin (ara paġni 8 u 9), għadhom ma indikawx kemm iddum l-immunità fuq il-persuni li jkunu tlaqqmu.

Fakkar kif bejn Jannar (meta tlaqqmet l-ewwel persuna) u l-aħħar tas-sajf hemm disa’ xhur u sa issa l-ebda kumpanija ma wettqet studju ta’ disa’ xhur fuq il-vaċċin biex tkun tista’ tindika kemm iddum l-immunità fuq il-persuni mlaqqma.

Għalhekk wieħed għadu ma jistax jgħid jekk dawk li ħadu l-vaċċin f’Jannar hux se jkun għad għandhom biżżejjed immunità biex jiġġieldu l-vaċċin fl-aħħar tas-sajf, meta l-Gvern qed jimmira li jilħaq il-herd immunity.

“Hemm kwistjonijiet li huma fil-kontroll tal-Ministru, bħad-dożi li jaslu, imma hemm oħrajn, bħall-immunità, li mhijiex fil-kontroll tal-awtoritajiet. Hemm affarijiet li ma nafux dwar l-immunità. Irridu nkunu kawti,” insista jgħid Pace.

Temm ifakkar li wieħed jeħtieġ iżomm f’moħħu kemm lil dawk li mhux se jieħdu l-vaċċin u dawk li ma jistgħux jieħdu l-vaċċin minħabba raġuni jew oħra. Fi kliem Pace, dawn mhumiex ftit.

Il-miri tal-Gvern: Kemm se jaslu dożi sal-aħħar tas-sena? Kemm se jitlaqqmu nies?

Nhar il-Erbgħa, waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Chris Fearne spjega kif sal-aħħar ta’ Jannar, mingħand Pfizer, Malta se tkun irċeviet 32,000 doża tal-vaċċin.

Għalhekk sal-aħħar ta’ dan ix-xahar, Malta se tkun tat l-ewwel doża lil 16,000 persuna, filwaqt li 5,000 persuna se jkunu ħadu wkoll it-tieni doża.

Kull min jieħu l-ewwel doża, qed ikollu t-tieni doża tal-vaċċin riservata minnufih għalih.

Apparti minn hekk, sal-aħħar ta’ Marzu, Malta se tkun irċeviet 95,000 doża, 290,000 doża sal-aħħar ta’ Ġunju, 500,000 doża sal-aħħar ta’ Settembru u 770,000 doża sal-aħħar tas-sena.

Bil-vaċċin ta’ Pfizer u ta’ Moderna, it-tir tal-awtoritajiet huwa li sal-aħħar ta’ Mejju jkunu tlaqqmu l-fronliners kollha, dawk li jgħixu fl-istituzzjonijiet, l-anzjani kollha li għandhom aktar minn 70 sena u dawk kollha li għandhom mard kroniku (anke jekk għandhom inqas minn 70 sena.”

F’Mejju mbagħad, kull dar se tirċievi notifika, biex dawk kollha li ma jkunux ħadu t-tilqima, ikunu jistgħu jċemplu biex jagħmlu appuntament, bil-prijorità se tingħata lil dawk li għandhom aktar minn 55 sena.

L-UE ikkritikata...

Fl-aħħar jiem, diversi uffiċjali Ewropej ikkritikaw lill-Unjoni Ewropea għax fi kliemhom it-tqassim tal-vaċċin qed jieħu fit-tul u anke għax il-Kummissjoni Ewropea ma xtratx aktar dożi.

Fost oħrajn, Il-President tar-Reġjun tal-Bavarja, Markus Söder, staqsa kif jista’ jkun li vaċċin żviluppat fil-Ġermanja, qed jasal b’rata aktar mgħaġġla f’pajjiżi anke barra l-Unjoni Ewropea.

L-Unjoni Ewropea, inkluż Malta, bdiet il-programm tagħha tat-tilqim fl-aħħar jiem ta’ Diċembru wara li approvat il-vaċċin ta’ Pfizer. Dan il-vaċċin ġie approvat fl-Istati Uniti u fir-Renju Uni ġimgħat qabel.

Apparti dik ta’ Moderna, ir-Renju Unit approva wkoll il-vaċċin ta’ AstraZeneca.

Fuq quddiem nett fil-programm tal-vaċċin hemm l-Iżrael li sa issa laqqam aktar minn miljun persuna u skont il-Prim Ministru Benjamin Netanyahu, sal-aħħar ta’ Jannar, żewġ miljun persuna se jkunu ħadu t-tieni doża tal-vaċċin.

L-Iżrael għandu popolazzjoni ta’ madwar 9 miljun persuna

More in Politika