Filmat | 'Aħna nimxu id f'id mal-awtoritajiet tas-saħħa' - Ikomplu d-diskussjonijiet dwar l-istrajk tal-għalliema

Għalkemm jidher li d-diskussjonijiet tal-bieraħ kienu pożittivi, id-diskussjonijiet mistennija jkomplu dalgħodu

Ilbieraħ filgħaxija ssejħet laqgħa oħra bejn il-Malta Union of Teachers u l-Gvern f'Kastilja. Matul din il-laqgħa kien diskuss l-istrajk tal-għalliema li kompla matul il-ġurnata tal-lum, bid-diskussjonijiet mistennija jissoktaw dalgħodu.

F'kummenti mal-midja dalgħodu, il-Ministru Justyne Caruana saħqet li l-Ministeru għall-Edukazzjoni qed isegwi l-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa. Fi kliemha, meta jkun hemm struzzjoni jew parir mill-awtoritajiet tas-saħħa, il-Gvern u l-Ministru jemendaw il-miżuri tagħhom skont dak li jintqal lilhom mill-esperti.

Assigurat li l-iskejjel tal-Gvern għandhom ir-riżorsi kollha meħtieġa biex il-lezzjonijet isiru onlajn.

"Aħna nikkomunikaw mal-awtoritajiet tas-saħħa b'mod kontinwu," insistiet il-Ministru Caruana. "Aħna nimxu id f'id mal-awtoritajiet tas-saħħa, kemm-il darba jkolli pariri differenti ovvjamenti l-pożizzjoni tiġi riveduta.'

L-istrajk seħħ hekk kif l-MUT qed titlob analiżi tas-sitwazzjoni preżenti hekk kif il-każi tal-Covid-19 żdiedu sostanzjalment u għadu mhux ċar x'inhu l-fattur li wassal għal din iż-żieda, jekk hux il-festi, il-kesħa jew inkella l-varjant.

Għalhekk l-MUT qed titlob stampa aktar ċara tas-sitwazzjoni.

Ilbieraħ il-unjin qalet illi l-istrajk kien suċċess

Intant il-Kamra tal-Kummerċ appellat lill-unjins tal-għalliema biex iżommu dejjem mal-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa u qalet illi stqarrijiet mingħajr evidenza xjentifika iwasslu biss għal taħwid fl-iskejjel u għall-għalliema. 

Diversi skejjel privati u dawk tal-Knisja wkoll għażlu li jirrikorru għat-tagħlim online biex la l-għalliema u lanqas l-istudenti ma jidħlu fiżikament fl-iskola.

More in Politika