'L-istrajk li beda dalgħodu fl-iskejjel huwa ta’ suċċess kbir' - MUT

L-MUT tikkundanna l-kummenti tal-Ministru Justyne Caruana u tisħaq li dawn jarmu l-isforzi kollha li għamlu l-edukaturi

Il-Unjin tal-Għalliema (MUT) iddeskriviet l-istrajk li ordnat u li l-Gvern iddeskriva bħala illeġittimu bħala "suċċess kbir."

Fi stqarrija, l-MUT qalet li din hija prova ċara kemm l-edukaturi mhumiex lesti li jitmexxew fid-dlam "minn Ministru irresponsabbli."

Fakkret li s-sitwazzjoni tal-pandemija timmerita analiżi u azzjoni

"L-MUT, għaldaqstant, tappella lill-awtoritajiet tas-saħħa u dawk edukattivi sabiex minnufih issir l-analiżi tas-sitwazzjoni tal-pandemija u l-effetti fuq l-edukaturi, it-tfal u l-familji, sabiex dawn jirritornaw għat-tagħlim b’mod fiżiku bil-miżuri kollha meħtieġa," insitiet l-MUT.

L-MUT ikkundannat ukoll il-pożizzjoni tal-Ministru tal-Edukazzjoni li insistiet li l-iskejjel ser ikunu miftuħin b’mod normali.

"Dan meta f’sigħat ta’ paniku totali, il-Ministeru beda jċempel bl-addoċċ lil kull min deherlu li seta jmur fl-iskejjel biex jiftaħhom. Din l-irresponsabbiltà dehret b’mod ċar ukoll meta l-istess Ministru ppruvat tiġġustifika d-deċiżjoni tal-Gvern li ddiskrimina bejn is-setturi, billi sostniet li t-tagħlim online m’huwiex ta’ kwalità," kompliet l-istqarrija.

Saħqet li dan jarmi l-isforzi kollha li għamlu l-edukaturi kollha fil-perjodu li l-iskejjel kienu magħluqin, liema tagħlim online tkompla wkoll bl-iskejjel miftuħin inkluż l-iskola virtwali li twaqqfet apposta f’dan iż-żmien.

"L-MUT tikkundanna lil kull min qiegħed jipprova jitfa’ f’dawl ikrah lilll-edukaturi u ser tkompli tħares l-interessi tal-edukaturi, l-istudenti u l-familji," temmet tgħid l-istqarrija.

More in Politika