Il-Ministru Miriam Dalli ħabbret kif se taħdem l-iskema l-ġdida tas-Suppliment tal-Paga li kif kien kien imħabbar fil-Baġit għall-2021 mhux se tibqa' l-istess ammont għal kull ħaddiem ta' kull kumpanija, imma se tvarja skont kemm il-kumpanija tkun intlaqtet mill-pandemija.
Għal dan il-għan Dalli ħabbret illi dawk in-negozji li raw tnaqqis ta' aktar minn 55% tax-xogħol/bejgħ se jibqgħu jieħdu s-suppliment sħiħ ta' €800 għal kull ħaddiem, kull xahar. Dawk li tilfu bejn 45% u 54% se jieħdu suppliment ta' €640 għal kull ħaddiem. Dawk li tilfu bejn 35% u 44% se jieħdu €480 kull ħaddiem għal kull xahar u dawk li raw tnaqqis ta' bejn 25% u 34% se jieħdu s-Suppliment tal-Paga li tlaħħaq it-€320 għal kull ħaddiem.
Finalment dawk li raw tnaqqis ta' bejn l-10% u l-24% se jieħdu €160 fix-xahar, għal kull impjegat.
Il-Ministru Miriam Dalli sostniet illi din l-iskema se tkun qed tkopri wkoll sostituzzjonijiet fost il-ħaddiema, jiġifieri jekk f'ristorant jitlaq u jiġi impjegat ieħor in-negozju jieħu s-suppliment għal dak il-ħaddiem ukoll.