'Miżuri drastiċi fix-xhur li ġejjin jew l-Air Malta jkollha tagħlaq!'

Sorsi qrib il-Gvern u anke qrib il-linja nazzjonali tal-ajru jgħidu mal-ILLUM li s-sitwazzjoni finanzjarja tal-Air Malta hija waħda mwiegħra ħafna, u ggravat sew bil-pandemija.  Miżuri drastiċi mistennijin fix-xhur li ġejjin, biex ikun evitat l-għeluq tal-kumpanija ...

L-Air Malta f'qagħda ħażina ħafna - miżuri drastiċi mistennija fiż-żmien li ġej
L-Air Malta f'qagħda ħażina ħafna - miżuri drastiċi mistennija fiż-żmien li ġej

Sorsi mill-Gvern u anke mil-linja nazzjonali tal-ajru ikkonfermaw li s-sitwazzjoni tal-Air Malta hija waħda mwiegħra ħafna, speċjalment wara d-daqqa tal-pandemija. 

Sorsi qrib il-Gvern li tkellmu mal-ILLUM qalu li s-sitwazzjoni hija tant mwiegħra li jekk ma jsir xejn m'għadux kwistjoni ta' tnaqqis ta' ħaddiema, jew tnaqqis ta' ajruplani imma kwistjoni ta' għeluq. 

Mistoqsijin iżda x'qed nifhmu b'drastiċi s-sorsi ta' din il-gazzetta qalu illi hemm bżonn ta' pjan ġdid u allura bidla  sħiħa fil-pjan ta' negozju tal-kumpanija. 

Is-sorsi kienu ċari illi l-passi meħtieġa se jkollhom jittieħdu fix-xhur li ġejjin qabel ikun tard wisq. 
Il-linja nazzjonali tal-ajru kienet ilha għadejja minn żmien ta' taqlib, speċjalment wara l-miġja tal-low cost carriers li kibru ħafna f'pajjiżna b'mod speċjali Ryanair li għandha sehem qawwi ħafna tas-suq fl-Ajruport Internazzjonali ta' Malta. 

Iżda, bħal linji tal-ajru kollha madwar id-dinja, l-akbar daqqa għall-Air Malta ġiet mal-pandemija li rat ajruporti jgħalqu, l-ivvjaġġar jieqaf u lill-linja tal-ajru kostretta tgħaddi lura eluf kbar f'rifużjonijiet ta' titjiriet ikkanċellati.  F'ħafna każi wkoll il-linja nazzjonali kellha tgħaddi vouchers minflok, biex b'hekk ma titlifx il-flus kontasnti kollha aċċessibbli (cashflow) għaliha u tispiċċa tfalli. 

F'Lulju ta' din is-sena l-Air Malta qalet li kienet għadha qed tbigħ biss 16% ta' dak li tbigħ normalment fis-sajf, filwaqt li sa Ġunju l-Air Malta kienet diġa' kkanċellat 5,000 titjira u kellha 40,000 talba għal rifużjoni jew posponiment ta' titjiriet.

Il-Gvern kien qiegħed f'diskussjonijiet ukoll għal xi forma ta' għajnuna għal-linja tal-ajru u din il-gazzetta tinsab infurmata li t-talba saret u qed tistenna r-risposta tal-UE.  L-UE tipprojbixxi sussidji lill-kumpaniji għaliex is-sussidji huma meqjusin li jmorru kontra l-kunċett ta' suq ħieles, għalkemm numru ta' pajjiżi qed jaraw jekk tistax issir eċċezzjoni hekk kif diversi linji tal-ajru jinsabu f'sitwazzjoni finanzjarja ħażina ħafna.  

"Il-pazjent ma fadallux wisq ħajja," qal wieħed mis-sorsi tal-gazzetta li sostna illi għalhekk se jkun hemm bżonn intervent fiż-żmien li ġej. 
Il-Ministru tal-Finanzi, f'intervista ma' gazzetta lokali, sostna wkoll li s-sitwazzjoni tal-kumpanija hija waħda ħażina u qal ukoll li l-Gvern irid jara kif se jiddeċiedi fuq il-futur tal-Air Malta. 

 

More in Politika