Von der Leyen tħeġġeġ lill-pajjiżi membri biex jibdew jagħtu l-vaċċin fl-istess ġurnata

Saħqet li biex il-pandemija tintemm darba għal dejjem, hemm bżonn li 70% tal-popolazzjoni tkun tlaqqmet kontra l-Covid-19

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursola von der Leyen saħqet li l-pajjiżi kollha membri tal-Unjoni Ewropea għandhom biċċa xogħol kbira quddiemhom hekk kif il-vaċċin kontra l-Covid-19 issa jinsab verament wara l-bieb.

Fuq Twitter, von der Leyen saħqet li biex il-pandemija tintemm darba għal dejjem, hemm bżonn li 70% tal-popolazzjoni tkun tlaqqmet kontra l-Covid-19.

Propju għalhekk li ħeġġet lis-27 pajjiż membru biex ikollhom kollox imħejji biex kollha kemm huma jibdew jagħtu l-vaċċin fl-istess ġurnata u fl-iqsar żmien possibbli.

"Konnha flimkien fil-pandemija u se noħorġu minnha flimkien u magħquda," kitbet il-President tal-Kummissjoni Ewropea.

Ilbieraħ sar magħruf li l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini se tkun qed tiltaqa' nhar it-Tnejn li ġej biex tiddeċiedi dwar l-approvazzjoni għall-użu tal-vaċċin ta' Pfizer u BioNTech fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Dan ġimgħa qabel kien previst.

Fl-ewwel kummenti tiegħu, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne saħaq li Malta kienet fost il-pajjiżi li ħeġġet lill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini biex fi kliemu, "dak li tista' tagħmel f'siegħa ma tagħmlux f'sagħtejn," filwaqt li żżomm l-istess livell ta' skrutinju.

Ikkonferma li l-vot tal-Kummissjoni Ewropea dwar din l-approvazzjoni jkun qed jittieħed ġimgħa qabel previst, li jfisser li l-vaċċin jista' jibda jasal bejn l-aħħar ġranet tal-2020 u l-ewwel ġranet tas-sena l-ġdida.

Malta għandna allokati 500,000 doża tal-vaċċin ta' Pfizer, jiġifieri biżżejjed biex jitlaqqmu 250,000 persuna. 

More in Politika