Tliet kwarti tal-Maltin huma kuntenti b'ħajjithom ... fuq quddiem dawk ta' aktar minn 66 sena

Sondaġġ xjentifiku mill-Fakultà tal-Benesseri Soċjali fl-Università ta' Malta jikkonferma l-World Happiness Report 2020 u allura li l-Malti huwa poplu ġeneralment kuntent b'ħajtu...

Mhux l-ewwel darba li naqraw dwar xi kejl tas-sodisfazzjon tal-ħajja, kemm aħna - bħala Maltin - kuntenti b'ħajjitna.  Ftit ġimgħat ilu fuq TVM kien irrappurtat kif skont sondaġġ li sar mill-MISCO, minn 560 persuna li pparteċipaw, persuna waħda minn kull tlieta tbati minn kundizzjonijiet ta' saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol.  Dan fil-fatt jagħmel lill-Maltin fost l-aktar nies li għandhom stress fl-Ewropa. 

Minkejja dan l-ILLUM tista' tiżvela kif minn sondaġġ ieħor, din id-darba li sar mill-Fakultà tal-Benesseri Soċjali fl-Università ta' Malta jirriżulta illi l-maġġoranza tal-poplu Malti fil-fatt huwa sodisfatt bil-ħajja tiegħu b'mod ġenerali. 

Mistoqsijin jagħtu marka mill-1 (assoluatment mhux sodisfatt) sal-5 (sodisfatt ħafna) , 41% tal-parteċipanti f'dan is-sondaġġ xjentifiku jgħidu li huma 'sodisfatti ħafna' b'ħajjithom.  Minn naħa l-oħra kienu b'kollox 34% li qalu li huma sodisfatt b'ħajjithom, li allura jfisser illi tliet kwarti tal-Maltin (75%) huma kuntenti b'ħajjithom. 

Minn naħa l-oħra kienu 3% biss li qalu illi assolutament mhumiex kuntenti b'ħajjithom filwaqt li 2% qalu li huma biss "ftit" sodisfatti.  Il-kumpament, jew inkella 20% qalu li la huma sodisfatti ħafna u lanqas mhumiex. 

Dawk ta' aktar minn 66 sena, l-aktar kuntenti b'ħajjithom

Interessanti mbagħad meta nħarsu lejn l-etajiet.  Minkejja forsi li jkun hemm min jaħseb il-kontra, l-aktar grupp ta' età li huwa kuntent b'ħajtu huma dawk ta' aktar minn 66 sena, riflessjoni sabiħa tal-ħajja li jkunu għexu, probabbilment.  L-inqas li wieġbu illi huma 'sodisfatti ħafna' kienu dawk il-parteċipanti ta' bejn is-16 u l-25 sena, mill-ġdid forsi riżultat interessanti u probabbilment grazzi għal bosta fatturi li ż-żgħażagħ jiffaċċjaw f'dawn l-etajiet mhux l-inqas l-istudji u l-eżamijiet, bidliet u sfidi fil-ħajja kif ukoll xi minn daqqiet l-aspetti ta' ribelljoni. 

Minn naħa l-oħra kienu biss 3% ta' dawk li għandhom aktar minn 66 sena u 2% ta' dawk li għandhom bejn is-16 u l-25 sena li huma 'assolutament mhux sodisfatti' b'ħajjithom.  Ta' min jinnota li dawn il-persentaġġi żgħar jaqgħu taħt il-marġinu ta' żball li għal dan is-sondaġġ huwa +/- 4%.

L-aktar li wieġbu li mhumiex sodisfatti kienu dawk ta' bejn is-46 u l-55 sena b'5% u ħadd jew numru negliġibbli għall-fini tas-sondaġġ, mill-parteċipanti li għandhom bejn 26 u 35 sena taw din it-tweġiba. 

Intant l-etajiet iktar żgħar fil-fatt huma l-aktar li taw risposta newtrali u allura qalu li la huma mdejqin pero' lanqas kuntenti b'ħajjithom b'34% jwieġbu b'dan il-mod fost dawk bejn 16 u l-25 sena u anke fost dawk bejn is-26 u l-35 sena. 

Meta wieħed jaqsam dawn ir-riżultati skont il-ġeneru jara illi ma hemmx wisq differenza bejn l-irġiel u  n-nisa bit-tnejn l-aktar li jwieġbu 'sodisfatti ħafna', b'40.5% fil-każ tal-irġiel u 40.8% fil-każ tan-nisa. 

Intant 20.7% tan-nisa taw risposta newtrali filwaqt li 19% tal-irġiel għamlu l-istess. 

Il-Maltin fost l-aktar kuntenti fid-dinja bil-fatti!

Apparti dan is-sondaġġ xjentifiku ta' Fakultà fl-Universita ta' Malta, din is-sena ħareġ kejl ieħor li juri illi l-Maltin huma t-22 l-aktar poplu kuntent minn lista ta' 153 pajjiż.  Dan jirriżultà mir-rapport World Happiness Report 2020 li juri illi Malta, b'indiċi ta' 6.773 huwa t-22 l-aktar pajjiż kuntent bil-poplu tal-Emirati Għarab Magħquda jkun eżatt qabel u dak Franċiż eżatt wara.  

L-aktar popli kuntenti huma l-Finlandiżi, id-Daniżi, l-Iżvizzeri u l-Iżlandiżi filwaqt li l-inqas popli kuntenti huma dawk tal-Irwanda, iż-Żimbabwe u s-Sudan ta' Isfel kollha fl-Afrika u finalment il-poplu tal-Afganistan. 

Skont dan ir-rapport Malta kienet ukoll l-20 pajjiż li l-aktar illi ra żieda żieda pożittiva f'dawk li esprimew sodisfazzjon għall-ħajja tgħhom. 

Metodoloġija

Livell ta' Kunfidenza: 95%

Marġini ta' żball: +/- 4%

Daqs tal-kampjun: 600

L-għażla kienet stratifikata skont l-età, il-ġeneru u d-distretti. 

Id-data kienet miġbura matul Ottubru 2020

More in Politika