Il-PN jiċħad li qed ikun ikkunsidrat li wieħed mit-tfal ta' Daphne jkun kandidat miegħu

Kelliem għall-Partit Nazzjonalista ċaħad b'mod kategoriku illi qatt saret diskussjoni fil-partit biex wieħed mit-tfal ta' Caruana Galizia jkun kandidat għall-elezzjoni

Kelliem għall-Partit Nazzjonalista ċaħad b'mod kategoriku illi kien hemm diskussjoni jew qed ikun ikkunsidrat li wieħed mit-tfal ta' Daphne Caruana Galizia jkun kandidat tal-PN għall-elezzjoni ġenerali li jmiss. 

Sors ta' dan is-sit qrib il-familja wkoll giddeb dan u qal li lanqas tgħaddi minn moħħ uliedha li fil-fatt ikunu kandidati ma' partit politiku. 

Kien Simon Mercieca li fil-blogg tiegħu qal illi lbieraħ ġiet diskussa l-possibilità li wieħed mit-tfal tal-ġurnalista assassinta jkun kandidat fl-elezzjoni ġenerali, xi ħaġa li skont l-istess Mercieca kienet ilha tissemma' fost dawk in-nies ta' madwar il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech. 

Il-PN ilu għall-aħħar ġimagħtejn iħabbar kandidati li ħerġin għall-elezzjoni ġenerali li jmiss, ħafna minnhom żgħażagħ kif ukoll l-ewwel kandidata trans mara, Angela Coleiro.  Fil-fatt il-gazzetta ILLUM ta' nhar il-Ħadd li għadda rrappurtat kif qed issir pressjoni interna biex kemm jista' jkun il-karigi fil-partit jiġu mimlija minn żgħażagħ. 

Michael Piccinono, eks President tal-Kunsill Nazjonali taż-Żgħaħagħ, din il-ġimgħa nħatar Segretarju Eżekuttiv Organizzattiv tal-Partit Nazzjonalista.

Fost responsabbiltajiet oħra, s-Segretarju Eżekuttiv Organizzattiv huwa responsabbli mill-organizzazzjoni tal-partit fuq livell lokali, reġjonali u nazzjonali, jieħu ħsieb ir-riżorsi tal-partit biex l-Uffiċċju tal-Kap tal-Partit u l-organi kollha tal-partit biex ikunu jistgħu jwettqu l-ħidma politika tagħhom u li jara li d-Dar Ċentrali u l-assi kollha tal-partit ikunu fi stat tajjeb.

More in Politika