L-eks President tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ jingħata diversi responsabilitajiet fil-PN

Michael Piccinino se jinħatar Segretarju Eżekuttiv Organizzattiv tal-Partit Nazzjonalista

Michael Piccinino
Michael Piccinino

Fil-laqgħa tiegħu tal-lejla il-Kumitat Eżekuttiv tal-PN ħatar lill-Avukat Michael Piccinino bħala Segretarju Eżekuttiv Organizzattiv tal-Partit Nazzjonalista. Michael Piccinino inħatar b’50 vot favur u 2 kontra għal din il-kariga fuq rakkomandazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-PN Francis Zammit Dimech. Is-Segretarju Eżekuttiv Organizzattiv huwa uffiċjal tal-partit u  għaldaqstant huwa membru tal-Kumitat Eżekuttiv, tal-Kunsill Amministrattiv u tal-Kumitat tat-tmexxija tal-Partit.

Il-ħidma ewlenija tas-Segretarju Eżekuttiv Organizzattiv hija dik li jassigura kuntatt kontinwu mal-kumitati sezzjonali, reġjonali, organizzazzjonijiet oħra tal-partit u li jaħdem id f’id mal-Uffiċċju Elettorali tal-Partit, ELCOM.

Fost responsabbiltajiet oħra, s-Segretarju Eżekuttiv Organizzattiv huwa responsabbli fost l-oħrajn mill-organizzazzjoni tal-partit fuq livell lokali, reġjonali u nazzjonali, jieħu ħsieb ir-riżorsi tal-partit biex l-Uffiċċju tal-Kap tal-Partit u l-organi kollha tal-partit biex ikunu jistgħu jwettqu l-ħidma politika tagħhom u li jara li d-Dar Ċentrali u l-assi kollha tal-partit ikunu fi stat tajjeb.

Michael Piccinino huwa minn Raħal Ġdid u għandu 25 sena. Huwa ggradwa mill-kors tal-liġi s-sena li għaddiet u kkwalifika bħala avukat f’Marzu ta’ din is-sena. Michael Piccinino għandu esperjenza vasta f’diversi entitajiet mhux governattivi fejn fost l-oħrajn kien President tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ minn fejn ħadem għal bidliet leġislattivi radikali fosthom it-tibdil fl-età tal-vot minn 18 għal 16-il sena u bħalissa qed iservi fil-bord tal-European Youth Forum, li hu l-Forum li jirrappreżenta ż-żgħażagħ u l-għaqdiet taż-żgħażagħ fuq livell Ewropew mal-Unjoni Ewropea u l-Kunsill Ewropew.

Fil-PN, Michael Piccinino ilu jservi għal diversi snin fil-Kumitat Sezzjonali ta’ Raħal Ġdid f’diversi karigi u għal ħames00 snin irrappreżenta l-Kumitati tar-4 Distrett fl-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista. Michael Piccinino okkupa wkoll diversi karigi fi ħdan il-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista.

More in Politika