Jet Ski: Produzzjoni ta' film Ingliż li se tħalli €2 miljuni fil-pajjiż

Jet Ski hija produzzjoni Ingliża li bħalissa qed tinġibed f’diversi lokalitajiet madwar Malta u fil-Malta Film Studios

Jet Ski hija produzzjoni Ingliża li bħalissa qed tinġibed f’diversi lokalitajiet madwar Malta u fil-Malta Film Studios. Din il-produzzjoni għandha baġit ta €5 miljun, b’€2 miljuni qed jintefqu f’Malta. It-tema ta’ din il-produzzjoni hija action/thriller.

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli flimkien mal-Kummissarju tal-Films Johann Grech, żaru parti mill-crew tal-produzzjoni fil-Malta Film Studios fil-Kalkara, fejn iltaqgħu mal-produttur u d-direttur tal-film.

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli, li kienet imdawra fuq is-set mill-Kummissarju tal-Films Johann Grech flimkien ma’ Simon Sansone, l-assistent produttur lokali ta’ dan il-film, esprimiet is-sodisfazzjon tagħha li għal darb’oħra Malta qed tintuża għall-ġbid ta' produzzjoni oħra internazzjonali. Hija qalet li l-film kollu qed jinġibed f’Malta.

Il-Ministru Farrugia Portelli spjegat li 85% tal-crew huwa  Malti. Hi faħħret il-mod għal kif din il-produzzjoni se tkun qed tinġibed f'iktar minn post wieħed f’Malta li huma: il-Malta Film Studios stess fil-Kalkara, iċ-Ċirkewwa, il-Mellieħa u f’Għajn Tuffieħa, li lkoll huma postijiet mill-isbaħ li permezz tagħhom nistgħu nkomplu nirreklamaw lil pajjiżna barra minn xtutna. Il-Ministru Farrugia Portelli semmiet kif Malta hija d-destinazzjoni perfetta għall-ġbid ta' dan il-film fejn minbarra t-temp ideali, pajjiżna għandu dak kollu neċessarju biex ikun jista' jinħadem dan il-film.

Il-Kummissarju tal-Films Johann Grech qal li huwa ta’ sodisfazzjon li tara aktar produzzjonijiet internazzjonali jinġibdu f’diversi lokalitajiet madwar Malta, u l-Malta Film Studios. Din il-produzzjoni tinvolvi madwar 100 persuna crew f’Malta u 120 Malti bħala extra. "Jien ottimist li Malta se tkompli tattira produzzjonijiet ta’ ġeneri differenti minn pajjiżi differenti, u se nkomplu nsaħħu l-industrija biex verament ikollna ‘World-Class Film Industry’."

Id-Direttur tal-film, James Nunn, iddeskriva l-ewwel esperjenza tiegħu f’Malta bħala waħda brillanti. Il-postijiet f’Malta magħżula għall-ġbid tal-film, it-temp u l-arkitettura Maltija għenu biex il-ġranet kollha tal-ġbid tal-film isiru bla xkiel u b’mod trankwill. Nunn kellu wkoll kliem ta’ tifħir għall-crew lokali tal-Malta Film Studios.

Il-film Jet Ski mistenni jkun rilaxxat fiċ-ċinema, f’Novembru tas-sena d-dieħla.

More in Politika