Fil-gazzetta MaltaToday, Ray Bezzina, il-konsulent ta’ Bernard Grech, kiteb li l-Eks Kap tal-PN Bernard Grech kellu jopera fl-ambjent li ħafna nies dejjem kienu qed iqabbluh ma’ Metsola. Bezzina qal li hu kien preżenti meta Grech kien stieden lil Metsola biex tkun kandidata għall-Parlament Malti biex hi tkun tista’ tmexxi lill-PN. Bezzina qal li Metsola baqgħet silenzjuża.
Roberta Metsola kellha tsunami ta’ kummenti ħorox; l-ewwel għad-deċiżjoni li tissieħeb ma’ Adrian Delia, il-persuna li l-bażi tagħha elettorali ma jaħmilx; u mbagħad bil-proposta li hi tkun kap simboliku u Delia jkun kap tal-Oppożizzjoni.
Biex tasal għal dan il-punt, Metsola għamlet kalkolu ħażin u ħasbet li tant kellha momentum, li l-proposta li tibqa’ Brussell u tappunta lil Adrian Delia bħala kap tal-oppożizzjoni kienet se tinżel tajjeb mal-Partit. In-nies ta’ madwarhom, li kienu jinkludu lil Gordon Pisani u Matthew Tabone, urew nuqqas ta’ apprezzament għall-burdata fil-Partit.
B’din id-deċiżjoni issa t-triq hija miftuħa beraħ għal Alex Borg, id-Deputat Għawdxi li sa ftit ġranet ilu ma kienx qed jara lil Adrian Delia bħala ostaklu. Borg, li għandu 29 sena biss, għandu appoġġ tremend f’Għawdex imma m’għandux il-gravitas politiku. Irid ikun ukoll kapaċi jgħaqqad il-Partit Nazzjonalista.
L-elezzjoni għall-Kap tal-PN aktarx isseħħ fl-ewwel ġimgħa ta’ Settembru.