'Mument ta' riflessjoni': Alex Borg dwar l-elezzjoni ta' mexxej ġdid tal-PN

Il-Membru Parlamentari Nazzjonalist Alex Borg jgħid li l-Partit Nazzjonalista huwa 'l-uniku oppożizzjoni għall-Gvern' u li l-elezzjoni ta' mexxej ġdid huwa 'mument ta' riflessjoni' kemm għall-partit kif ukoll għall-pajjiż

Id-Deputat tal-PN Alex Borg (Ritratt: James Bianchi/ILLUM)
Id-Deputat tal-PN Alex Borg (Ritratt: James Bianchi/ILLUM)


Id-Deputat Nazzjonalist Alex Borg iddeskriva l-elezzjoni li ġejaj għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista bħala “mument ta’ riflessjoni” kemm għall-partit kif ukoll għall-pajjiż, u qal li l-partit qed jiffoka fuq l-għaqda u li jagħżel il-persuna t-tajba biex tmexxi l-Oppożizzjoni għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Waqt li kien qed jitkellem ma’ MaltaToday wara laqgħa tal-grupp parlamentari tal-PN nhar it-Tlieta, Borg qal li din il-fażi ta’ transizzjoni fit-tmexxija tirrappreżenta mument delikat iżda importanti għall-partit.

“Din hija ċirkostanza fejn hija delikata. Waħda mill-ogħla istituzzjonijiet tal-pajjiż hija l-Oppożizzjoni. Aħna l-unika oppożizzjon li hawn għall-gvern, u din hija kariga li topponi l-Prim Ministru. Dan huwa mument ta’ riflessjoni u mument illi naraw x’inhu l-aħjar interess mhux biss għall-Partit Nazzjonalista imma għall-pajjiż,” qal Borg.

Huwa kkonferma li l-nominazzjonijiet għall-kariga ta’ kap se jiftħu nhar it-Tnejn, u li l-Kunsill Ġenerali tal-partit hu skedat li jiltaqa’ l-Ħadd ta’ wara.

“Għalissa rridu nirriflettu u naħdmu bħala partit biex naraw li jkollna l-aħjar riżultati li nistgħu nġibu u nagħżlu l-aħjar persuna idonea biex tmexxina għall-elezzjoni ġenerali li jmiss,” żied jgħid Borg.

Il-ġimgħa li għaddiet, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ħabbar li se jkun qed jirriżenja minn kap tal-Partit Nazzjonalista. Alex Borg hu meqjus minn ħafna bħala wieħed mill-kandidati probabbli, iżda s’issa ma ħabbarx jekk hux se jikkontesta.

Mill-ġimgħa minn meta ħabbar ir-riżenja Grech, ħadd għadu ma wera interess uffiċjali fil-kariga.

Borg qal lil MaltaToday li dan is-suġġett dwar kandidati potenzjali ma ġiex diskuss waqt il-laqgħa.

Sadanittant, Bernard Grech qal li indirizza lill-grupp parlamentari u spjega l-proċedura li se tirregola l-elezzjoni interna li ġejja.

“Dan huwa partit demokratiku. Il-membri tal-Kunsill jew inkella t-tesserati għandhom id-deċiżjoni li jagħżlu l-kap il-ġdid. Il-leaders mhumiex handpicked f'dal-partit.”

More in Politika