Moviment Graffitti qed jitlob lill-awtoritajiet biex jipprojbixxu l-vapuri turistiċi kbar milli jżuru l-Blue Lagoon f’Kemmuna, wara li ppubblika filmat li juri eluf ta’ turisti jinżlu kuljum f’din iż-żona ikonika.
Fuq il-midja soċjali, il-moviment qal li dawn il-vapuri kummerċjali huma l-ikbar kawża tal-kaos u l-ħsara ambjentali li qed issir fil-Blue Lagoon. Skont il-grupp, kull filgħodu l-post ikun kwiet, iżda fi ftit sigħat jinbidel f’post iffullat, storbjuż u mniġġes.
Dan minkejja li aktar kmieni dan is-sajf il-gvern kien ħabbar sistema ta’ bbukkjar li suppost tillimita n-numru ta’ turisti fl-istess ħin fil-Blue Lagoon. Il-filmati ta’ Graffitti, iżda, juru li eluf ta’ persuni xorta waħda qed jiġu mniżżla kuljum, b’impatt qawwi fuq l-ambjent ta’ Kemmuna.
“Il-Blue Lagoon darba kienet parti mill-ħajja tas-sajf għal ħafna familji Maltin, iżda llum mhux aktar hekk,” qal il-moviment. “Aħna ġejna mkeċċija minn art pubblika minn ftit kumpaniji b’saħħithom li qed jisfruttaw il-gżira bi prezz għoli fuq il-pubbliku u l-ambjent.”
Graffitti akkuża lill-Ministru tat-Turiżmu Ian Borg li minkejja l-pompa kollha rigward is-sistema l-“ġdida” tiegħu, huwa għadu qed jagħmel ħiltu kollha biex iħalli lil dawk li jagħmlu l-aktar ħsara jkomplu japprofittaw ruħhom mill-Blue Lagoon, filwaqt li l-Gvern għadu jirrifjuta li jippubblika l-istudju dwar kemm tiflaħ nies Kemmuna.
“Vapuri li jġibu turiżmu tal-massa m’għandhomx post f’riżerva naturali,” temm jgħid il-moviment.