Il-Partit Nazzjonalista kkonferma li ż-żewġ deputati Alex Borg u Adrian Delia ssodisfaw il-kriterji tal-verifika u tad-due diligence meħtieġa biex ikunu eliġibbli għall-elezzjoni tal-Kap il-ġdid tal-partit.
Fi stqarrija nhar it-Tlieta, il-Kummissjoni Elettorali tal-PN qalet li rċeviet ir-rapport tal-verifika mill-Kummissjoni Kandidati, wara proċess li dam sitt ġimgħat. Ir-rapport jinkludi d-dikjarazzjoni motivata u d-dokumenti relatati, li ġew mgħoddija wkoll lill-Kunsill Amministrattiv tal-partit, skont kif jipprovdi l-Istatut tal-PN.
Issa, il-proċess jidħol fil-fażi tan-nominazzjonijiet: dawn jinfetħu nhar il-Ħamis 14 ta’ Awwissu fl-12pm u jingħalqu nhar it-Tlieta 19 ta’ Awwissu fl-12pm. Matul dan il-perjodu, l-unika persuni li jistgħu jissottomettu n-nominazzjoni tagħhom huma l-kandidati li diġà ġew approvati mill-proċess ta’ verifika – jiġifieri Borg u Delia.
Il-votazzjoni għall-elezzjoni tal-Kap se ssir is-Sibt 6 ta’ Settembru, waqt Konvenzjoni Ġenerali speċjali, u se jkunu jistgħu jivvutaw biss membri tat-tesserament tal-PN li għandhom karta valida. Votazzjoni bikrija se ssir ukoll l-Erbgħa 27 u s-Sibt 30 ta’ Awwissu għal dawk li ma jkunux jistgħu jivvutaw fil-jum ewlieni tal-elezzjoni.
Skont il-linji gwida tal-elezzjoni ppubblikati f’Lulju, il-kandidati ma jistgħux jagħtu intervisti lill-midja li mhix tal-partit issa li l-proċess ta’ due diligence ġie konkluż.