L-FIAU ssib żieda ta' 80% f'tranżazzjonijiet suspettużi fil-propjetà fl-2024

Il-Korp tal-Analiżi tal-Intelliġenza Finanzjarja toħroġ l-aħħar rapport annwali tagħha, fejn tirrapporta li rċeviet 9,430 rapport ta' tranżazzjonijiet suspettużi fl-2024, żieda ta' 3% mill-2023 • Rapporti mill-aġenti propjetà splodew b'rata ta' 80%, l-iktar żieda sinifikanti sena b'sena mis-setturi kollha

L-FIAU ħarġu 80 miżura amministrattiva fl-2024, b'valur totali ta' €4.95 miljun, żieda mill-2023 fejn b'kollox kellhom valur totali ta' €3.2 miljun (Ritratt: FIAU)
L-FIAU ħarġu 80 miżura amministrattiva fl-2024, b'valur totali ta' €4.95 miljun, żieda mill-2023 fejn b'kollox kellhom valur totali ta' €3.2 miljun (Ritratt: FIAU)

Il-Korp tal-Analiżi tal-Intelliġenza Finanzjarja (FIAU) ġibdu l-attenzjoni fuq żieda t'attività suspettuża fis-settur tal-propjetà fl-2024, skont ir-rapport annwali li ppubblika nhar l-Erbgħa.

L-FIAU rrappurtaw li fis-sena 2024 irċevew 9,430 rapport ta' tranżazzjonijiet suspettużi—żieda ta' 3% mis-sena ta' qabel. Ir-rapporti li rċevew mill-aġenti tal-propjetà splodew b'rata ta' 80%, l-iktar żieda sinifikanti sena b'sena mis-setturi kollha.

Skont l-FIAU, din iż-żieda f'daqqa hija minħabba l-ħidma kontinwa tal-entità biex jintlaħqu n-nies kif ukoll fehma aħjar tal-obbligi tal-aġenti fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, hekk kif assessjar tar-riskju kixef nuqqas ta' rappurtar.

"Iktar rappurtar mis-settur tal-propjetà mhux talli nilqgħuh b'dirgħajna miftuħin, iżda jirrifletti żieda fl-għarfien u l-kapaċità tagħna li nilħqu setturi li storikament ma kinux irrappreżentati sew," qalu l-FIAU.

Bħal kif irrappurtat dil-gazzetta qabel, l-FIAU tat ħafna inqas multi fl-2024: b'kollox taw 75 multa b'valur totali ta’ €746,655—iżda fis-sena 2023 taw 144 multa b'valur totali ta' €3,360,814.

Skont il-Korp, din ġrat minħabba fallimenti fid-diliġenza dovuta fuq il-klijenti, monitoraġġ fjakk tat-tranżazzjonijiet, u ksur fiż-żamma tar-rekords.

L-iktar li ntlaqtu bil-pieni kienu l-fornituri tas-servizz għall-kumpaniji, l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi, u l-operaturi tal-logħob tal-azzard. Iżda l-FIAU qalu li dawn l-azzjonijiet t'infurzar ġew assessjati b'tali mod biex ikunu proporzjonali mal-ksur u kienu maħsubin biex jiskoraġixxu n-nonkonformità.

Ir-regulatur qal ukoll li l-Kumitat tal-Monitoraġġ tal-Konformità tagħhom irriveda s-serjetà u r-repetizzjoni ta' ksur qabel ma jissanzjonaw il-kumpaniji. Barra minn hekk, dawk li ntlaqtu bil-pieni kellhom ċans jirrispondu qabel l-FIAU ma ħadet deċiżjoni finali.

Fl-istess ħin, is-Centralised Bank Account Register baqa' għodda tal-intelliġenża importanti, li għenet l-awtoritajiet jaċċessaw data tal-kontijiet biex jużawha għall-investigazzonijiet ta' reati finanzjarji.

L-FIAU kompliet tissorvelja l-konformità fejn jidħlu restrizzjonijiet tal-flus kontanti għal tranżazzjonijiet ta' 'l fuq minn €10,000 f'setturi bħall-propjetà, il-vetturi, u oġġetti ta' lussu.

Għall-quddiem, l-FIAU qed tipprepara lis-subject persons għall-bidliet li ġejjin taħt l-Awtorità għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus Ewropea, li ħa tintroduċi sorveljanza ċċentralizzata madwar l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

Ir-rapport annwali tas-sena 2024 kollu jista' jinstab fuq is-sit tal-FIAU, www.fiaumalta.org.

More in Politika