Il-bars u l-każini jingħalqu sal-1 ta' Diċembru; Ġemgħat fil-pubbliku mhux aktar minn sitt persuni

Il-multa għal min jinqabad fi gruppi akbar se tiżdied għal €200

Min-nhar il-Ħamis 29, il-bars u l-każini kollha għandhom jibqgħu magħluqin. Din l-miżura se tibqa' fis-seħħ sal-1 ta’ Diċembru 2020.

Ħabbar dan l-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.

L-istqarrija tispjega kif filwaqt li l-isnack bars u l-gabbani jistgħu jibqgħu miftuħin, madanakollu ma jistgħux, fl-ebda ħin, jipprovdu, joffru jew ibigħu kwalunkwe tip ta’ xorb alkoħoliku lill-klijenti u għandhom jagħlqu bejn il-11pm u l-5am.

Min-nhar il-Ħamis ukoll, l-ammont massimu ta’ persuni li jistgħu jinġemgħu fi grupp fi spazji pubbliċi se jonqos minn 10 persuni għal 6 persuni.

Dan ifisser li fi spażji  pubbliċi,  gruppi  ta’  aktar  minn  6 persuni huma projbiti inklużi fi kjus u fuq bus stops, sakemm ma tinżammx id-distanza soċjali ta’ żewġ metri bejniethom. Din il-miżura ma tapplikax għal persuni li jgħixu fl-istess residenza.

Il-multa għal min ma josservax din il-mizura ser tiżdied għal €200, iżda jekk il-penali tiġi mħallsa qabel ma jibdew il-proċeduri quddiem il-Kummissarju tal-Ġustizzja, il-multa titnaqqas għal €100.

 

More in Politika