Proġett ta' €5 miljun se jagħti dehra ġdida u isbaħ liż-żona tal-Magħluq f'Marsaxlokk

Il-proġett se jkun f'idejn il-GHRC u se jkun konkluż fi żmien 14-il xahar

Il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli u l-Ministru għall-Proġetti Kapitali Ian Borg varaw pjan ta’ riġenerazzjoni għall-villaġġ ta’ Marsaxlokk partikolarment il-parti magħrufa bħala “Il-Magħluq”.

Il-proġett, stmat li se jkun jiswa madwar €5 miljuni, huwa ffinanzjat mill-Ministeru għat-Turiżmu, u l-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC) se tara li dan il-proġett ikun lest f’14-il xahar.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet li l-iskop aħħari wara dan il-pjan ta’ riġenerazzjoni huwa li jtejjeb l-aspett estetiku u infrastrutturali ta’ dan il-villaġġ għall-benefiċċju tas-sajjieda, tar-residenti, u tal-eluf ta’ Maltin u turisti li jżuruh.

“Din hija waħda mill-aktar żoni frekwentati mill-Maltin fl-aħħar tal-ġimgħa imma wkoll minn eluf ta’ turisti li jżuru dan il-villaġġ tipiku tas-sajjieda. Fl-2019 kien hemm 1,226,992 turist li żaru Marsaxlokk. Dan ifisser li 45% tat-turisti li ġew Malta żaru Marsaxlokk,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli. 

Min-naħa tiegħu l-Ministru Ian Borg spjega kif ix-xogħol mhux qed isir b’mod superfiċjali, iżda jinkludi xogħlijiet mill-qiegħ anke fuq is-servizzi, li se jiġu mgħoddija minn taħt l-art favur dehra isbaħ u anke se jinkludi faċilitajiet adekwati għas-sajjieda.

Il-Kap Eżekuttiv tal-GHRC Gino Cauchi qal li qabel bdew ix-xogħlijiet f’Tal-Magħluq, il-GHRC ipparteċipat f’taħditiet biex tikkunsidra l-esiġenzi kollha tal-komunità u l-istakeholders. Ix-xogħol jinkludi servizzi ġodda li se jgħaddu minn taħt l-art, inkluż sistema ġdida ta’ drenaġġ b’pompa ġdida u ġeneratur, investiment li se jsolvi l-problema li jfur id-drenaġġ fil-baħar, sistema tal-elettriku ġdida u adekwata li se tgħin lill-istabbilimenti taż-żona, tindif tal-wires minn mal-faċċati u sistema ġdida ta’ dwal. 

Il-proġett jinkludi wkoll faċilitajiet adekwati għal sajjieda li jużaw irmiġġi fiż-żona, sistema ġdida għall-andament tat-traffiku, żoni pedonali u pavimentar taż-żona kollha biex tingħaqad mal-pjazza ta’ Marsaxlokk li hi diġà pavimentata. Il-pjanijiet raw li jitħalla l-ispazju meħtieġ biex is-sajjieda jwettqu l-attivitajiet tagħhom, filwaqt li se jiġi organizzat ukoll aħjar il-parkeġġ.

Għaż-żjara tal-Ministri Julia Farrugia Portelli u Ian Borg attendew wkoll iċ-Chairman tal-GHRC Tony Agius Decelis u s-Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk Steven Grech.

More in Politika