Intervista | ‘Se nirreżisti ... l-awtoritajiet ma jistgħux jibqgħu jgħidu ‘le’ għal kull attività’

Minn meta faqqgħet il-pandemija f’Malta, in-negozji, partikolarment dawk tal-Belt Valletta ħadu daqqa kbira. Anke jekk illum hemm inqas restrizzjonijiet, in-negozji fil-Kapitali qed isibuha diffiċli biex iqumu fuq saqajhom. Il-gazzetta ILLUM tiltaqa’ ma’ Jason Micallef, iċ-Chairperson tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta li qed jappella biex jinħoloq bilanċ u biex l-awtoritajiet ma jibqgħux jirrifjutaw kull attività proposta biex tressaq mill-ġdid in-nies lejn il-Belt Valletta...

Iċ-Chairperson tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta (VCA), Jason Micallef insista mal-gazzetta ILLUM li ma jistax ikun li għal kull attività li tiġi proposta, kemm għall-Belt Valletta u lilhinn, ir-risposta tal-awtoritajiet qed tkun immedjatament “le.” Saħaq ukoll li jeħtieġ jinħoloq bilanċ għax inkella, fi kliemu, se jispiċċaw jagħlqu n-negozji u jintilfu mijiet ta’ impjiegi.

Il-gazzetta ILLUM intervistat lil Micallef wara li l-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Notte Bianca, anke jekk kienet se ssir b’mod ridott, bir-restrizzjonijiet u mqasma fuq numru ta’ ġimgħat, kellha titħassar għax l-awtoritajiet ma tawx il-permessi meħtieġa.

Jason Micallef beda jisħaq li hu jitkellem fuq il-bżonnijiet tan-negozji Beltin għax bħala Chairperson tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, ir-responsabbilità tiegħu hija mqassma fuq tliet binarji, jiġifieri r-riġenerazzjoni ekonomika, soċjali u kulturali tal-K    apitali.

“Għalhekk nagħmel dikjarazzjonijiet fil-pubbliku għax jiena nkun tkellimt u ltqajt ma’ diversi persuni li jkunu wrew miegħi t-tħassib u l-ilmenti tagħhom,” insista Micallef. “Ma nagħmilx dan kollu biex nibqa’ qisni xi statwa tat-tafal u ma nagħmel xejn għax iċ-ċirkostanzi huma dawk li huma.”

‘Se nagħlqu sena ta’ diffikultajiet għan-negozji fil-Belt’

Micallef fakkar li f’sena, minn Ottubru 2019, il-Belt Valletta għaddiet minn żewġ ċirkostanzi straordinarji. 

“Bdejna bil-ġimgħat ta’ protesti li kienu qed jaffettwaw bla dubju u mhux ftit, lin-negozju kollu fil-Belt Valletta. Iżda wara dħalna wkoll f’lockdown parzjali. Kienu mumenti li inti trid tissapporti u tifhem,” insista Micallef.

Iżda ġara, kompla jisħaq Micallef, li meta r-rota bdiet terġa’ ddur u n-negozji fetħu b’ċertu restrizzjonijiet, l-imxija reġgħet għolliet rasha u l-pressjoni tal-awtoritajiet tas-saħħa, tal-midja u ċertu persuni fuq il-midja soċjali waslet biex il-Gvern kellu jerġa’ jsaħħaħ il-miżuri għas-sitwazzjoni li ninsabu fiha bħalissa.

“Imma din is-sitwazzjoni ma tistax tibqa’ sejra hekk. Jien tkellimt u se nibqa’ nitkellem. Intenni dak li ktibt. Il-bilanċ bejn l-aspett tas-saħħa, li huwa importanti ħafna u l-aspetti ekonomiċi, kulturali u soċjali mhux qed jinżamm, la fil-Belt u mkien ieħor,” insista Micallef. 

Mistoqsi x’qiegħed jipproponi, Micallef saħaq li l-pajjiż ilu sena jaħseb fuq pjan wieħed biss, jiġifieri x’miżuri u restrizzjonijiet se jdaħħal u kif se jwissi u jeduka lin-nies.

“Dan biex ma nsemmix minn għandu motivi ulterjuri biex ibeżża’ u joħloq paniku fost in-nies u qed jagħmel ħsara kbira,” insista Micallef.

‘Qżież għax ngħid ejja ħa nsibu bilanq u nkunu realistiċi?’

Kien hawn li saħaq li issa għaddew ħafna xhur minn meta faqqgħet il-pandemija u fl-aħħar mill-aħħar ħadd ma għandu ħjiel meta dan kollu se jgħaddi.

“Allura x’se nagħmlu? Bir-restrizzjonijiet ta’ bħalissa, fejn ma għandekx attivitaijet tal-massa, clubs u parties, in-numri żdiedu. Mhux stabbli, mhux naqsu, imma żdiedu,” insista Micallef. “Issa huwa ż-żmien opportun biex l-awtoritajiet ikkonċernati, il-Gvern u d-dipartiment tas-saħħa, jaraw kif nistgħu nimmitagaw fuq il-Pjan B.”

Iżda x’għandu f’moħħu Micallef meta jsemmi dan il-Pjan B? Insista li s-saħħa tan-nies tibqa’ prijorità iżda saħaq illi tħassib għas-saħħa tan-nies ma għandux jieqaf mal-virus biss.

“Is-saħħa tan-nies hija li tqum filgħodu u ma tafx hux se titlef l-impjieg tiegħek. Li tqum filgħodu u ma tafx jekk in-negozju tiegħek hux se jfalli. Qed nitkellem fuq eluf kbar ta’ nies. Jekk niddejqu niddiskutu din, x’se niddiskutu? Dan allura qżież għax nitkellem hekk? Jiena qed ngħid ejja ħa nsibu l-bilanċ u nkunu realistiċi,” insista Micallef.

‘Eluf ta’ nies, sidien u artisti, ntlaqtu ħażin immens’

Kien hawn li tkellimna aktar fid-dettall dwar l-attivitajiet li jixtieq jara fil-Belt Valletta, b’Micallef ifakkar kif tul dawn l-aħħar seba’ snin, il-Belt Valletta ġiet irriġenerata kompletament. 

“Biex għamilna dan kellna bżonn is-settur privat, kellna bżonn il-fondi pubbliċi u l-komunità tal-Belt. Għamilna proġetti ġodda, infrastruttura ġdida, attivitajiet ġodda u ħloqna għatx kbir biex in-nies jiġu l-Belt, jinvestu, jixtru u jiddevertu. Dan ħoloq mijiet ta’ impjiegi u għexieren ta’ mijiet ta’ opportunitajiet għall-artisti lokali,” kompla Micallef. Saħaq li meta qed jirreferi għall-artisti mhux qed jitkellem biss għal dawk li joħolqu arti perfomattiva, imma lil kulħadd, minn dak li jdawwal sala jew pjazza għal dak li jiddisinja u joħloq l-isbaħ palk.

X’inhi d-differenza bejn għaxar persuni bilqiegħda f’ristorant imissu l-affarijiet u għaxra bilqiegħda ħdejn xulxin, bid-distanza soċjali, jaraw produzzjoni fit-Teatru Manoel jew fi Pjazza Teatru Rjal? Ifhmuna! Se nħallu t-teatru nazzjonali magħluq u jikkrolla?

Dawn kollha, insista Micallef, jammontaw għal eluf ta’ nies li nlaqtu ħażin immens u wħud minnhom ma rċevew l-ebda għajnuna. Għall-artisti, b’mod partikolari, id-daqqa kienet doppja, kompla jisħaq, għax mingħajr attivitajiet, waqfilhom id-dħul kollu.

Kien hawn li Jason Micallef insista li ma jistax ikun li meta l-awtoritajiet jisimgħu bil-kelma “attività,” mill-ewwel u mingħajr ħsieb ta’ xejn, ir-risposta tagħhom qed tkun “le” ċara u tonda.

“Ma jistax ikun nibqgħu sejrin hekk. Mela attività tfisser bilfors attività tal-massa? Bir-rispett kollu! Xi ħadd irid jismagħha din. Bħalissa meta tipproponi programm ta’ attivitajiet, mill-ewwel jgħidulek: le u ma għandekx ċans. Dan irid jieqaf,” insista Micallef.

X’differenza hemm bejn 10 persuni ma’ mejda f’ristorant u 10 persuni f’teatru?

Iżda l-gazzetta ILLUM staqsietu kif jista’ jkun li jikkontrolla attività fil-Belt Valletta? Kif se jwaqqaf in-nies? “Faċli,” ħatafna fil-kelma.

“X’inhi d-differenza bejn għaxar persuni bilqiegħda f’ristorant imissu l-affarijiet u għaxra bilqiegħda ħdejn xulxin, bid-distanza soċjali, jaraw produzzjoni fit-Teatru Manoel jew fi Pjazza Teatru Rjal? Ifhmuna! Se nħallu t-teatru nazzjonali magħluq u jikkrolla?” staqsa Micallef.

Kompla jisħaq li faċli wkoll tikkontrolla attivitaijet fuq barra, bħal pereżempju fi Pjazza San Ġorġ. Insista li mhux jitkellem fuq attivitajiet tal-massa, imma attivitajiet li għalihom jidħlu nies skont il-kobor tal-post li fih tkun se ssir. 

“Iż-żona tkun magħluqa u kull attività li jorganizzaw l-attivitajiet kulturali tal-Gvern, inkluż il-VCA inkunu bil-biljetti u meta qed ngħid bil-biljetti mhux neċessarjament qed ngħid bil-flus,” kompla jisħaq Micallef. “Iva hemm mezzi kif aħna nżommu l-bilanċ f’rispett sħiħ lejn dak li qed jgħidu l-awtoritajiet tas-saħħa. Il-kelma le saret popolari ħafna.”

‘Pressjoni kbira mill-awtoritajiet tas-saħħa ... min jiddeċiedi baxxa rasu’

L-ILLUM staqsietu jekk dan kienx se jkun qiegħed jiġi implimentat fl-edizzjoni ta’ Notte Bianca li kellha tkun mifruxa matul dan ix-xahar u għaliex filli kienet se ssir u filli le.

“Faċli nwieġbek. Kien hemm  pressjoni kbira mill-awtoritajiet tas-saħħa u min jiddeċiedi baxxa rasu,” insista Micallef. “Kienet se taqa’ d-dinja għax indaħħlu 60 ruħ jaraw produzzjoni fit-Teatru Manoel?”

It-tir kien li l-attivitajiet isiru kollha kemm huma fuq ġewwa, fit-teatri u fil-mużewijiet mifruxa madwar il-Belt Valletta, fejn kull attività ssir kull siegħa, ma tkunx itwal minn 30 minuta u b’sistema ta’ biljetti.

“Jekk il-Muża jiflaħ idaħħal 80 ruħ, idaħħal 80 ruħ fis-siegħa. Iżda meta tgħaqqadhom f’salt, anke jekk mifruxa, dawk jiġu mijiet. X’kienet il-problema?” saħaq Micallef. “Jekk tiġi l-Belt Valletta l-Ġimgħa u s-Sibt se tara eluf ta’ persuni iduru fit-toroq tal-Belt u bla kontrolli ta’ xejn.”

‘Irridu bilanċ. Se ninsisti fuq dan il-bilanċ u se nirreżisti’

Kien hawn li insista li l-awtoritajiet kellhom jifhmu li ħadd ma ried li ssir Notte Bianca tas-soltu imma xi ħaġa addattata għaċ-ċirkostanzi ta’ bħalissa.

“Irridu bilanċ. Se ninsisti fuq dan il-bilanċ u se nirreżisti. Il-le għall-attivitajiet ikkontrollati ma tistax tibqa’ tiġi. Jeżistu kullimkien,” insista Micallef waqt li fakkar li anke l-knejjes kienu kapaċi jagħmlu dan u jikkontrollaw. “L-attivitajiet għall-ammont ta’ żmien li hemm bżonn għandhom ikunu ridotti u bil-biljetti.”

Iddeskriva l-Valletta Pageant of the Seas, li saret xorta waħda, bħala prova ċara ta’ kemm jistgħu isiru attivitajiet li jkunu kkontrollati u li xorta waħda jkunu suċċess.

‘Jiena deċiż! L-attivitajiet tal-Milied fil-Belt Valletta jridu jsiru’

Semmejna żmien il-Milied li issa jinsab wara l-Bieb. Normalment għal Milied u Lejlet l-Ewwel tas-Sena, il-Belt Valletta tkun miżgħuda bin-nies u bl-attivitajiet. 

Jason Micallef insista li l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta għandna programm lest u addattat għal dawn iċ-ċirkostanzi.

Inkwetat immens. Jekk in-negozju fil-Belt jieqaf għas-sitt ġimgħat tal-Milied, f’Jannar u Frar se jfallu n-negozji. Qed inkun ċar! Se jkollna katastrofi!

“Għandna programm lest! Se nressaqhom quddiem l-awtoritajiet. Jiena deċiż! L-attivitajiet tal-Milied fil-Belt Valletta jridu jsiru. Isiru b’mod differenti. Isiru b’kontroll. Imma jridu jsiru,” insista. “Ma nistgħux nibqgħu sejrin le, le u le. Bir-rispett kollu! Bil-le u mingħajr attivitajiet, mingħajr clubs u mingħajr parties, il-każi għadhom telgħin.”

‘Jekk fil-Milied se jieqaf ix-xogħol, f’Jannar u Frar se jfallu n-negozji’

Kien hawn li ċ-Chairperson tal-VCA saħaq li huwa inkwetat ħafna dwar is-sitwazzjoni tan-negozji fil-Belt Valletta.

“Inkwetat immens. Jekk in-negozju fil-Belt jieqaf għas-sitt ġimgħat tal-Milied, f’Jannar u Frar se jfallu n-negozji. Qed inkun ċar! Se jkollna katastrofi!” insista Jason Micallef.

“Dan paroli fil-vojt u qżież għax nitkellem hekk? Ejja nieqfu ngħidu le. Jiena naf kif nagħmel attivitajiet tal-massa imma naf ukoll nikkontrolla u nirregola ruħi,” kompla jtenni.

Fil-fatt, Micallef qal mal-ILLUM li l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta saħansitra għandha f’idha pjanijiet għal attività kkontrollata għal-Lejlet l-Ewwel tas-Sena.

“Ma nistgħux naqbżuh il-perjodu tal-Milied. Qed inkun ċar u tond,” insista Micallef.

Kompla jisħaq li l-Gvern mhux bir bla qiegħ u hemm limitu kemm jiflaħ jagħti sussidji u supplimenti. Insista li wara n-negozju hemm nies li qed iħaddmu n-nies, li qed jaqilgħu l-flus u minn dak li jaqilgħu qed iħallsu f’taxxi lill-Gvern. 

“Anke l-Gvern qed jitlef miljuni kbar ta’ ewro. Se nibqgħu sejrin hekk? Dan huwa ċirku vizzjuż. Meta jibda jgħolli rasu l-qagħad ma żżommux,” insista Micallef.

‘Min jhedded bl-istrajks fil-polikliniċi u l-isptariijet huwa rresponsabli’

Micallef insista aktar minn darba li l-Gvern qed ibaxxi wisq rasu għall-pressjoni mill-awtoritajiet tas-saħħa u dan meta bosta huma dawk li għall-kuntrarju qed jisħqu li l-Gvern qed jiġi jaqa’ u jqum minnhom u qed ibaxxi rasu għan-negozjanti u s-sidien tal-ħwienet, ir-ristoranti u l-lukandi.

Madanakollu, anke meta l-ILLUM għamlet dan l-argument miegħu, Micallef insista li hu qed jitkellem mill-esperjenza u mhux fuq dak li jgħidu n-nies fuq il-midja soċjali.

“Il-Gvern sensittiv ħafna għal dak li jgħidulu l-awtoritajiet tas-saħħa. Jekk nieħdu deċiżjoni fl-interess nazzjonali biex inżommu l-bilanċ, irridu nżommu magħha. Ikun hemm minn jhedded bl-istrajks fil-polikliniċi u fl-isptarijiet. Għalija dan huwa theddid irresponsabbli. Ktibtha u nerġa’ ngħidha,” insista.

‘Allaħares ma kinux l-inċentivi li ħadna għax-xhur tas-sajf’

Iżda l-ILLUM staqsiet lil Micallef jekk jaħsibx li l-attivitajiet li tippjana hi jew li toħroġ bihom hux se jsolvu l-problema għan-negozji Beltin. Pereżempju mbilli tarma t-toroq bil-pavaljuni u ġġib banda, kif għamlet fis-sajf, se tagħmel xi differenza?

Micallef beda jfakkar li ħafna mill-attivitajiet, inkluż dawk tal-baned, twaqqfu għax l-awtoritajiet, għal darb’oħra neħħew il-permessi.

Iżda ċ-Chairperson fakkar li kien hemm ħafna inċentivi oħra li daħlet fis-seħħ il-VCA u li fi kliemu “allaħares ma kinux huma” għan-negozji fil-Belt.

“Eluf kbar ta’ nies qasmu mingħajr ħlas mill-Kottonera għall-Belt,” insista Micallef.

Fakkar ukoll kif il-lift tal-Barrakka kien mingħajr ħlas u ddeskriva bħala suċċess l-inizjattiva li neħħiet il-ħlas biex wieħed jidħol u jipparkja l-Belt (CVA), għat-tliet xhur tas-sajf. Insista li kellu pressjoni kbira biex din tibqa’ fis-seħħ anke wara Settembru iżda spjega kif inizjattiva bħal din tiswa ħafna.

Qal biss li jiddispjaċih li ma tantx irnexxiet l-inizjattiva li fetħet il-mużewijiet u binjiet oħra fil-Belt mingħajr ħlas. 

“Ma kienx hemm ir-ritorn ta’ nies li xtaqna. Iddispjaċini. Imma tista’ tistaqsi lin-nies tan-negozji kemm għenu dawn l-affarijiet. Anke l-fatt li ħloqna ambjent ta’ festa u xegħlna dwal. Qed toħloq atmosfera u tagħti l-ħajja. Nassigurak li kollox jgħin,” insista.

‘Jista’ jkun hemm min abbuża imma ċ-ċirkostanza hija straordinarja u rridu nkunu ftit flessibbli’

Il-ħwienet tal-Belt huma dawk li huma. Anke r-ristoranti u l-barijiet huma żgħar u għalhekk, aktar minn qatt qabel, issa qed jiddependu ħafna fuq l-imwejjed u s-siġġijiet fuq barra. Fil-fatt kienet ittieħdet inizjattiva biex għalissa l-awtoritajiet jagħlqu għajnejhom jekk dawn iżidu xi mwejjed u siġġijiet, anke jekk ħafna kkritikaw il-fatt li qed jieħdu toroq sħaħ. 

L-ILLUM staqsiet lil Micallef x’jista’ jsir issa, anke għax fix-xitwa, jekk tagħmel ix-xita, addijo l-imwejjed u s-siġġijiet fuq barra. Fuq ġewwa, minħabba d-distanza soċjali, ir-ristoranti u l-barijiet Beltin ftit li xejn jistgħu jdaħħlu mwejjed.

Jason Micallef insista li għal kollox hemm soluzzjoni. “Hemm proposta u jiena naqbel magħha mija fil-mija, biex minflok distanza soċjali, fuq ġewwa, ir-ristoranti jkunu jistgħu jinstallaw perspex bejn mejda u oħra,” spjega. “Teżisti barra minn Malta u teżisti anke fl-uffiċini f’Malta. Għaliex fir-ristoranti le? Anke din il-proposta għandna nilqgħu.”

Dwar il-kritika minn bosta minħabba ż-żieda fl-imwejjed u s-siġġijiet fuq barra, Micallef insista li kulħadd huwa inkwetat u wieħed jeħtieġ jifhem lill-ieħor f’dawn iċ-ċirkostanzi.

“Jista’ jkun li jkun hemm abbuż f’dak is-sens. Iċ-ċirkostanza hija straordinarja u rridu nkunu ftit flessibbli. Il-famuż bilanċ,” temm jisħaq Jason Micallef.

More in Politika