'Il-Liġi tal-Ugwaljanza se tikser id-drittijiet fundamentali tal-ispiżjara' - Il-Kunsill

Il-Kunsill tal-Ispiżjara jisħaq li l-liġi li-għan tagħha huwa li tneħħi kull forma ta’ diskriminazzjoni, se tkun hi stess qed tiddiskrimina kontra l-ispiżjara

Il-Kunsill tal-Ispiżjara, saħaq li l-Liġi dwar l-Ugwaljanza, kif qed tkun proposta, tiddiskrimina kontra l-professjoni tal-ispiżjara u professjonisti oħra fil-qasam tas-saħħa u anke thedded l-awtonomija professjonali, il-konvinżjonijiet u l-integrità morali.

Fi stqarrija, il-Kunsill saħaq li l-ispiżjara fil-professjoni tagħhom, jieħdu deċiżjonijiet il-ħin kollu bbażati fuq ix-xjenza, il-prinċipji etiċi li ġġorr magħha l-professjoni iżda anke skont il-kuxjenza tagħhom.

Madanakollu, jisħaq il-Kunsill, artiklu 7 u 8 tal-liġi, joħolqu kunflitt bejn il-kuxjenza tal-ispiżjara u l-obbligu legali tagħhom biex joffru s-servizz, anke jekk dan imur kontra dak li tgħidilhom il-kuxjenza tagħhom.

Propju għalhekk li l-Kunsill qed jisħaq li l-liġi kif proposta, filwaqt li l-għan tagħha huwa li tneħħi kull forma ta’ diskriminazzjoni, se tkun hi stess qed tiddiskrimina kontra l-ispiżjara.

“L-aġir kontra l-kuxjenza qed jhedded l-awtonomija tal-ispiżjara u l-intergrità morali tagħhom li hija l-qofol tar-relazzjoni bejn l-ispiżjara u l-pazjenti,” insista l-Kunsill.

Saħaqt li l-liġi kif proposta se tkun qed tikser id-dritt undamentali għall-Libertà tal-Kuxjenza u r-Reliġjon, imniżżla mhux biss fil-Kostituzzjoni tal-pajjiż, imma anke stipolati fil-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, fost oħrajn. 

Il-Kunsill saħaq li huwa mħasseb ukoll dwar l-artikli 2 u 32 għax dawn qed ipoġġu din il-liġi fuq kull liġi oħra li teżisti jew tista' teżisti, fuq il-Kodiċi ta’ Etika tal-professjoni u anke l-ġurament meħud mill-ispiżjara.

Fil-fatt, il-Kunsill qed jitlob b’mod partikolari biex artiklu 32 jitneħħa kompletament.

Qed tappella wkoll biex taħt artiklu 6, li jitkellem dwar l-eżenzjonijiet, jiddaħħal ukoll id-dritt li professjonist ikun jista’ jirrifjuta servizz abbażi tal-kuxjenza tiegħu. 

Tisħaq li l-pazjenti għandhom ikunu mgħarrfa minn qabel li l-professjonisti jkollhom dan id-dritt.

More in Politika