Il-bejgħ u l-akkomodazzjoni l-aktar li jħaddmu, l-inqas li jħallsu u l-agħar li ntlaqtu mill-Covid-19

Il-Labour Force Survey ippubblikat din il-ġimgħa juri kif id-dħul medju fost 218,489 ħaddiem fix-xhur tal-pandemija kien ta' €1,491 - bl-akbar pagi jkunu fost il-maniġers u l-professjonisti

Il-qasam tal-bejgħ bl-imnut (wholesale/retail)  - u allura l-impjiegi kollha li huma b'xi mod jew ieħor relatati ma' ħwienet tal-ħwejjeġ, żraben, aċċessorji (jew kwalunkwe ħanut)  u aktar kif ukoll dak ta' trasportazzjoni, servizzi tal-ikel u akkomodazzjoni - huwa s-settur li jħaddem l-akbar numru ta' impjegati f'Malta.  Fil-fatt, skont, ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) dan is-settur kien qed iħaddem b'kollox  71,835 ħaddiem, jew inkella 27.7% tal-ħaddiema kollha f'Malta fit-tieni kwart tas-sena 2020 (bejn April u Ġunju).  

It-tieni l-akbar impjegatur f'Malta huwa l-Gvern - u allura s-settur pubbliku li jinkludi wkoll skejjel, sptar, xogħolijiet pubbliċi u dawk kollha li joffru servizzi tal-Gvern.  Hawnhekk, fl-istess perjodu, kienu qed jaħdmu 57,846 persuna mal-Gvern, li jammonta għal 22.3% tal-ħaddiema f'pajjiżna. 

It-tielet l-akbar settur huwa l-manifattura u industrija oħra fejn, skont l-NSO, huma impjegati b'kollox 31,804 persuni jew 12.3% tal-ħaddiema kollha f'pajjiżna. 

Interessanti l-fatt li minn dawn in-numri l-ħaddiema nisa jaqbżu lil dawk irġiel biss fis-settur pubbliku, fejn fit-tieni kwart tal-2020 kienu jaħdmu 34,185 mara filwaqt li kienu jaħdmu 23,661 impjegat raġel. 

Fil-każ tal-Bejgħ bl-Imnut, akkomodazzjoni u ikel, in-numru ta' ħaddiema irġiel jaqbeż bid-doppju dak tan-nisa, hekk kif hemm 46,454 raġel u 25,381 mara. Fil-manifattura wkoll in-numru ta' irġiel jaqbeż dak tan-nisa bil-kbir hekk kif huma biss kważi 7,000 mara li jaħdmu fis-settur minn total ta' 31,804 impjegati.

L-iżgħar setturi f'termini ta' xogħol huwa l-biedja/sajd u l-kostruzzjoni li tħaddem 14,275 persuna. 

L-akbar settur bl-inqas pagi u l-akbar daqqa 'l isfel fid-dħul tal-impjegati

Interessanti iżda li wieħed meta qed janalizza dawn in-numri jirrealizza illi l-akbar settur huwa l-inqas li jħallas.  Fil-fatt, skont iċ-ċifri tal-NSO, fil-qasam tal-bejgħ bl-imnut, akkomodazzjoni  etc. il-paga medja matul dan il-perjodu kienet ta' €1,000 fix-xahar.  Dan l-ammont jirrifletti, naturalment, il-pagi mnaqqsa minħabba l-pandemija imma jieħu kunsiderazzjoni wkoll tas-suppliment tal-paga mogħti mill-Gvern. 

Minkejja dan, jekk inħarsu lejn l-2019 u allura sena normali mil-lat ekonomiku, il-paga medja f'dan is-settur matul l-istess xhur kienet ta' €1,359 - l-inqas mis-setturi kollha. 

Ta' min jinnota illi dawn il-ħaddiema - kif mistenni minħabba t-turiżmu u l-lockdown tal-maġġoranza tal-ħwienet - sofrew l-akbar daqqa f'termini ta' dħul

L-ogħla pagi waqt il-pandemija baqgħu dawk tal-ħaddiema fis-settur finanzjarju u tal-assigurazzjoni fejn il-medja tal-paga kienet ta' €2,161.  B'€1,799 dan kien segwit  mill-ħaddiema tal-Gvern u viċin ħafna b'€1,782 il-kostruzzjoni. 

'Maniġers bl-akbar paga ... impjegati fi ħwienet, l-inqas'

 Meta wieħed imbagħad jaqsam in-numri f'dak li jirrigwarda x-xogħol tal-ħaddiema Maltin, jirriżulta li l-akbar settur ta' ħaddiema huma dawk professjonisti b'total ta' 54,767 ħaddiem, li jirrapreżentaw 21.1% tal-ħaddiema kollha.  Warajhom hemm l-impjegati fil-qasam tas-servizzi u bejgħ (51,657) u fit-tielet post jiġu t-tekniċi u professjonisti assoċjati (35,940). 

Mill-ġdid, l-inqas huma l-bdiewa u s-sajjieda li jammontaw għal madwar 2,000 persuna u warajhom imma b'qabża konsiderevoli hemm machine operators u ħaddiema tal-fabbriki, fejn hemm 13,584 ħaddiem. 

Meta wieħed iħares lejn il-pagi, skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, jirriżulta li l-Maniġers huma l-aktar li kellhom paga għolja bejn April u Ġunju ta' din is-sena b'medja ta' €2,551 fix-xahar.  It-tieni l-aktar persuni mħallsin kienu l-Professjonisti b'€2,015 fix-xahar. 

L-aktar pagi baxxi matul dawn ix-xhur (Il-Wage Supplement inkluż) kienu fost dawk li jaħdmu fis-servizzi u dawk li jaħdmu fil-bejgħ b'medja ta' €966 fix-xahar. 

Mill-ġdid dan jirriżulta fi tnaqqis li probabbilment huwa riżultat tal-pandemija.  Fl-2019 il-maniġers kellhom medja ta' dħul ta' €2,840 (tnaqqis ta' €289 fl-2020), il-professajonisti kellhom dħul medju ta' €2,161 (tnaqqis ta' €146 fl-2020) u fost dawk li jaħdmu fil-bejgħ/servizzi l-paga medja kienet €1,113 (tnaqqis ta' €147 fl-2020). 

B'kollox, skont dawn iċ-ċifri, matul dawn ix-xhur kien hemm 218,489 persuna f'impjieg full time u d-dħul medju kien ta' €1,491 fix-xahar.

More in Politika