'Malta hija full up u int qed tfixkilni' - Robert Abela fl-ewwel battibekk ma' Bernard Grech

Robert Abela u Bernard Grech f'laqgħa kordjali - li ma tantx kienet kordjali

Il-laqgħa bejn Robert Abela u Bernard Grech
Il-laqgħa bejn Robert Abela u Bernard Grech

F'laqgħa mhux daqstant kordjali l-Prim Ministru akkuża lil Bernard Grech illi qed ifixklu fil-ħidma tiegħu fl-Unjoni Ewropea meta jgħid li Malta mhux full up.  Il-Prim Ministru sostna b'tonalità pjuttost irrabjata illi Malta hija full up u li hu qed jaġixxi f'dan ir-rigward billi, fost oħrajn, ma jħallix dgħajjes jitilqu mil-Libja.  "Jiena qed naġixxi fuq l-immigrazzjoni u int fixkiltni!' qal Abela direttament lil Grech.  "Irtira dan il-messaġġ u nitilqu mill-punt li Malta ma tiflaħx aktar  għall-pressjoni immigratorja," kompla jgħid il-Prim Ministru. 

Huwa sostna li bil-konferenzi, kif qed iwiegħed Grech, mhux se jinstabu soluzzjonijiet.  "Aħna qed inżommu lin-nies milli jitilqu mil-Libja.  Lin-nies tal-Ħamrun, tal-Marsa u ta' San Pawl il-Baħar x'se ngħidulhom?  Li qed niddiskutu?" beda jisħaq il-Prim Ministru waqt din l-ewwel laqgħa, suppost kordjali.

Abela qal li d-dgħajjes bl-immigranti mhux b'kumbinazzjoni - skont hu - mhux qed jiġu f'Malta.  

Abela sfida wkoll lil Bernard Grech biex jekk jaf b'xi korruzzjoni imur għand il-pulizija, mhux jikteb u jagħmel akkużi fuq il-miodja soċjali.

'Qed nitkellem dwar is-70,000 jew 80,000 immigrant li wara kollox ġab Gvern Laburista'

Fi tmiem il-laqgħa f'kummenti mal-ġurnalisti Bernard Grech sostna illi din kienet "laqgħa kordjali" għalkemm sostna wkoll li l-Prim Ministru ma fehemx il-punt li kien qed jipprova jagħmel hu u akkużah illi mar fuq "monologu" dwar l-immigrazzjoni filwaqt li fakkar li ċ-Chief of Staff tiegħu, meta kien imexxi l-Jobs Plus, kien hu stess jisħaq li s-suq tax-xogħol Malti jeħtieġ eluf ta' ħaddiema barranin. 

"Dwar l-Electrogas il-Prim Ministru donnu nesa' li hemm rapport tal-Awditur Ġenerali li jgħid illi hemm nuqqasijiet serji f'dan il-kuntratt," sostna Grech. 

Il-Kap il-ġdid Nazzjonalista saħaq illi hu qed jitkellem dwar l-immigrazzjoni u l-popolazzjoni b'mod ġenerali mhux biss dwar l-immigrazzjoni rregolari.  "Qed nitkellem dwar is-70,000 jew 80,000 immigrant li wara kollox ġab Gvern Laburista.  Għalhekk il-konferenza nazzjonali għandha tistudja l-impatt ta' dawn il-ħaddiema u tara jekk wara kollox għadhomx hawn jew le.  Tevalwa l-piż li huma fuq is-servizzi..." sostna Grech. 

Huwa temm jgħid li hu mhux se juża l-istess stil tal-Prim Ministru u mhux se jbaxxi rasu għaċ-ċiniżmu ta' Abela.  Grech kien qed jirreferi għall-kumment tal-Prim Ministru illi Grech jidħol Kastilja biss jekk jirbaħ l-elezzjoni. 

More in Politika