'Yorgen Fenech kien qalli li 17 Black mhijiex tiegħu' - Mark Gasan

In-negozjant u wieħed mis-shareholders fl-Electrogas, Mark Gasan saħaq li l-familja tiegħu ilha minn meta feġġet l-aħbar dwar 17 Black jaraw kif se jinħallu mill-proġett tal-Electrogas

Mark Gasan
Mark Gasan

In-negozjant u wieħed mis-shareholders fl-Electrogas, Mark Gasan illum xehed fl-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Gasan Group għandu terz tas-shareholders f’GEM Holdings, liema konsorzju (magħmul ukoll mill-familji Fenech u Apap Bologna), huwa s-sid ta’ 33% tal-ishma fil-powerstation ta’ Delimara.

Waqt ix-xhieda tiegħu, Mark Gasan ġie mistoqsi dwar il-kumpanija 17 Black, bin-negozjant jisħaq li sar jaf li seta’ kien hemm rabta bejn il-kumpanija u Yorgen Fenech meta kien irċieva xi mistoqsijiet mingħand ġurnalist.

Gasan qal li kien ċempel lil Yorgen Fenech jistaqsih x’kien qed jiġri.

“Kont ixxukjat. Jiena assumejt li ma kinitx tiegħu u li kien se jiċħad l-allegazzjoni. Saħansitra tkellimt ma’ Ray (Fenech) u tlabtu jitkellem ma’ Yorgen,” insista Gasan.

Qal li l-aħbar faqqgħet ħmistax wara.

“Ċempilt u bgħatt messaġġi lil Yorgen. Qalli li 17 Black ma kinitx tiegħu. Għidtlu biex jekk mhijiex tiegħu, joħroġ jiċħad l-allegazzjonijiet,” kompla Gasan.

Kompla jgħid li min-naħa tagħhom kienu stħarrġu u kkonfermaw li ma kien hemm l-ebda tranżazzjonijiet bejn 17 Black u Electrogas.

Qal li Fenech kien bagħat imejl lill-bord tad-diretturi tal-Electrogas u li fiha ċaħad l-allegazzjonijiet waħda waħda.

Jidher li f’Novembru tal-2018, GEM Holdings kellha laqgħa tal-bord u li għaliha attenda wkoll Ray Fenech (iz-ziju ta’ Yorgen).

“Qalulna li ma kien hemm l-ebda rabta ma’ 17 Black u li Fenech kien qabbad avukati bbażati f’Londra biex joħorġu stqarrija li fiha huwa jiċħad kollox,” kompla jixhed Mark Gasan.

“Imma ma rajt xejn. Pubblikament qatt ma ċaħadha,” kompla Gasan.

Ftit tal-ġimgħat ilu, Gasan Group ħareġ stqarrija li fiha saħaq li qed ifittex mod kif ma jibqax shareholder f’GEM Holdings u allura fil-powerstation tal-Electogas.

Quddiem l-inkjesta pubblika, Mark Gasan qal li l-familja tiegħu ilhom ftit mhux ħażin jaraw kif se jinħallu minn GEM Holdings, prattikament minn meta ħarġet l-aħbar li 17 Black kienet ta’ Yorgen Genech.

Insista li huma ma jixtiqux ikunu parti minn proġett li jista’ jkun għandu rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

More in Politika