Gasan se jirtiraw is-sehem tagħhom fil-power station tal-ElectroGas

Fi stqarrija, iċ-Chairperson Joe Gasan u l-Kap Eżekuttiv Mark Gasan saħqu li qed jagħmlu dan wara l-allegazzjonijiet ta' korruzzjoni li assedjaw dan il-proġett u li r-rabtiet li qed isiru mal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia

Il-kumpanija Gasan Group qalet se tkun qed tirtira mis-sehem tagħha fil-proġett tal-ElectroGas u dan wara allegazzjonijiet li jista’ jkun hemm rabta bejn dan il-proġett u anke l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fi stqarrija, ċ-Chairperson Joe Gasan u l-Kap Eżekuttiv Mark Gasan insistew li sa issa kienu għażlu li ma jitkellmux dwar il-kontroversja li assedjat dan il-proġett anke għax is-sehem tagħhom huwa wieħed żgħir u indirett.

“Niddikjaraw pubblikament u bla tlaqliq li jekk hemm xi biċċa verità dwar allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni dwar dan il-proġett, aħna assolutament ma għandna xejn x’naqsmu magħha: aħna la konnha involuti fiha u lanqas ma kellna l-iċken idea dwarha. Jekk dan huwa minnu, aħna nikkundannawha u nittamaw li ssir ġustizzja,” saħqet il-kumpanija.

L-istqarrija tkompli tisħaq li huma xxukkjati bil-fatt li qed tissemma rabta bejn dan il-proġett u l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia filwaqt li awguraw li min hu ħati ta’ dan id-delitt iħallas għal għemilu.

Insistew ukoll li huma ma daħlu xejn minn dan l-investiment u minnu rreġistraw biss telf.

“Fid-dawl tal-kontroversja dwar dan il-proġett uirrispettivament mill-fatt li aħna ma kellna xejn x’naqsmu fiha, iddeċidejna li niddentifikaw l-għażliet kollha li għandna biex ma nibqgħux involuti fih u mingħajr ma nagħmlu l-ebda profitt minn dan l-investiment,” kompliet tgħid l-istqarrija.

Sa issa, Gasan Group hija s-sid ta’ terz ta’ GEM Holdings, konsorzju ta’ kumpaniji Maltin li għandhom terz mill-ElectroGas flimkien mal-kumpanija Socar (tal-Ażerbajġan) u Siemens.

Apparti Gasan, il-konsorzju jinkludi wkoll lil Tumas Group, il-familja Apap Bologna u kumpanija oħra li s-sid tagħha huwa Yorgen Fenech, l-eks Kap Eżekuttiv ta’ Tumas Group, is-sid ta' 17 Black u l-allegat mandant tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

X’inhi ElectoGas u fiex daħlet 17 Black?

ElectroGas, hija l-kumpanija li bniet u qed tmexxi l-Power Station f’Delimara

L-ElectroGas tbigħ l-elettriku lill-Enemalta wara li hi tixtri l-LNG mingħand is-Socar, kumpanija tal-Istat Ażeri, li min-naħa tagħha tixtrih bi prezz irħas mingħand kumpanija oħra Shell. 

Kien hawn li daħlet fin-nofs il-Kumpanija 17 Black (ta’ Yorgen Fenech), li l-Proġett Daphne kien irrefera għaliha bħala waħda mit-“target clients,” biex tħallas lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi fil-kumpaniji li huma fetħu fil-Panama.

Kienu qajmu suspett, żewġ tranżazzjonijiet, li t-total tagħhom kien ta’ $1.4 miljun, liema tranżazzjonijiet għaddew għand 17 Black, minn kumpanija oħra fis-Seychelles u li jisimha, Mayor Trans. 

$200,000 oħrajn li ntefgħu f'din il-kumpanija, kienu rrappurtati illi daħlu minn aġent lokali għat-Tanker tal-LNG, jiġifieri minn Orion Engineering. Is-sid ta' din il-kumpanija huwa Mario Pullicino, li huwa l-aġent lokali li qed jissupplixxi l-LNG lill-power station il-ġdida.

'Mhux biżżejjed li l-familja Gasan tiddikjara li qed tara kif toħroġ mill-Electrogas..'

Fi stqarrija b'reazzjoni, l-organizzazzjoni Repubblika tqis li mhux biżżejjed li l-familja Gasan tiddikjara li qed tara kif toħroġ mill-Electrogas, għalkemm saħqet li dan huwa pass tajjeb.

"Il-ġerħa nazzjonali tal-kuntratt maħmuġ tal-power station ta’ Joseph Muscat u Konrad Mizzi li jidher li għandu rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia tesiġi li tkun magħrufa il-verità sħiħa u li ssir ġustizzja fejn kulħadd jirrispondi għal dak li għamel," saħqet.

Repubblika qed tistenna li l-familja Gasan biex toħroġ il-verità sħiħa dwar:

  • kif inħema dan il-kuntratt;
  • il-laqgħat li saru qabel, waqt u wara il-proċess tat-tender;
  • arranġamenti dwar shareholding li jindikaw li kien hemm flus li kienu ser igħaddu lil Keith Schembri u Konrad Mizzi fost l-oħrajn;
  • ir-relazzjoni ma’ 17 Black;
  • u kull aspett ieħor marbut ma’ din il-fabbrika ta’ korruzzjoni.

"Nistennew li dawn ukoll iwettqu l-obbligu tagħhom biex jinħatt dan il-monument ta’ korruzzjoni li Daphne Caruana Galizia ħallset għalih b’ħajjitha u l-poplu Malti qed iħallas għalih meta jħallas il-kontijiet tal-elettriku," temmet tgħid l-istqarrija.

More in Politika