L-Eks Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi spjega fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari l-ħidma kurrenti sabiex il-Fortizza Bengħajsa ssir tal-Awtorità tal-Artijiet.
Il-Fortizza Bengħajsa, li tkopri aktar minn 51,000 metru kwadru, ilha snin tużah għal skopijiet agrikoli wara li kienet inqassmet fi tliet kirjiet fis-snin sebgħin. Riċentement, inbeda proċess sabiex din il-proprjetà pubblika tgħaddi kompletament f’idejn l-Awtorità tal-Artijiet.
Wara li ntemmu uffiċjalment it-tliet kirjiet, l-Awtorità bdiet l-iżgumbrament tal-fortizza. Fil-passat, kienu ngħataw permessi biex jitrabbew l-annimali, iżda dawn il-kirjiet illum huma kollha tterminati. Ta’ min jinnota li l-ewwel tentattiv sabiex il-fortizza tiġi ritornata taħt il-kontroll tal-istat beda fl-2011 mill-Eks Dipartiment tal-Artijiet, iżda dak iż-żmien l-azzjonijiet meħtieġa ma kinux twettqu b’mod effettiv.
Illum, il-biċċa l-kbira tal-okkupanti illegali telqu mill-post, għalkemm għad hemm każ wieħed pendenti fil-Qorti. L-Awtorità qed tistenna l-konklużjoni ta’ din il-kawża fuq parir legali qabel tkompli bl-iżgumbrament totali. Minkejja dan, il-kumplament tal-fortizza jinsab kompletament taħt il-kontroll tal-Awtorità.
Fi żviluppi oħra, l-Awtorità mistennija tibda tneħħi strutturi illegali li nħolqu fil-fortizza matul is-snin, li għalihom diġà jeżistu avviżi ta’ infurzar mill-Awtorità tal-Ippjanar. Din il-ħidma hija parti minn proċess aktar wiesa’ li ilu għaddej u li qed jiffoka fuq ir-rkupru, il-protezzjoni u r-restawr ta’ proprjetajiet pubbliċi.
Sabiex jiġi deċiż l-aħjar użu għall-fortizza fil-futur, twaqqaf Kumitat Konsultattiv li se jevalwa diversi proposti u possibbiltajiet. L-għan ewlieni hu li l-fortizza, kif ukoll proprjetajiet simili, jiġu riutilizzati b’mod li jservu l-komunità u jippromovu l-aċċess għall-pubbliku.