'Jekk il-Gvern jiffirma s-SOFA mal-Amerikani jkun tradixxa lil Dom Mintoff u lill-Partit Laburista'

Moviment Graffitti jisħaq li ftehim SOFA mal-Amerikani jumilja lil pajjiżna u jitradixxi l-kunċett ta' newtralità li jfakkar illi kien l-eks PM u Mexxej Laburista Dom Mintoff li ħadem għaliha

Il-Moviment Graffitti fi stqarrija kkundanna bl-aktar mod qawwi l-Ftehim dwar l-Istatus tal-Forzi (SOFA) mal-Istati Uniti li, skont ir-rapport fuq The Times dalgħodu, ġie approvat mill-Kabinett.

"Il-Kostituzzjoni ta’ Malta tiddikjara b’mod ċar li pajjiżna huwa newtrali u tipprojbixxi b’mod espliċitu l-preżenza ta’ forzi militari fit-territorju tagħna. Il-persunal militari tal-Istati Uniti lanqas għandu jirfes fuq it-territorju Malti, aħseb u ara jingħata impunità u nċedu s-sovranità fil-konfront tiegħu," sostna l-Moviment fi stqarrija iebsa fil-konfront tal-Gvern.

Ara x'qal il-Prim Ministru dalgħodu għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti dwar il-ftehom SOFA 

L-istqarrija tgħid illi jekk ir-rapporti huma veri,  "il-Gvern Laburista se jkun qed jittradixxi dak li Dom Mintoff u l-Partit Laburista kienu ssieltu għalih u kisbu."  Kien l-eks Prim Ministru u Mexxej Laburista Dom Mintoff li mbuttà 'l quddiem il-politika tan-newtralità u kien qabel l-elezzjoni tal-1987 li bi qbil mal-Oppożizzjoni Nazzjonalista, li n-newtralità ddaħħlet fil-Kostituzzjoni. 

"Ftehim SOFA se jkun qed jillimita l-applikazzjoni tal-ġurisdizzjoni ta’ Malta fil-konfront tal-militar tal-Istati Uniti, li jfisser li l-Istati Uniti jkunu jistgħu jikkommettu atti kriminali fuq it-territorju Malti u azzjonijiet li jmorru kontra l-interess ta’ Malta, b’mod relattivament faċli u b’impunità."

Il-Moviment Graffitti qal illi dan mhux biss imur kontra "l-kostituzzjoni, iżda jagħmel lil Malta promot ur tal-gwerra u l-aggressjoni militari. Hija tabilħaqq ħasra li l-Gvern Malti huwa lest li juża slogans patrijottiċi li jrawmu sentimenti nazzjonalisti kontra dawk li huma l-aktar vulnerabbli – il-persuni li jfittxu l-ażil – iżda mbagħad jaderixxi ma’ ftehim li se jara lill-pajjiżna jiġi umiljat u li jmur kontra l-interessi tagħna."

Il-Moviment Graffitti qal illi l-President tar-Repubblika George Vella huwa "legalment u moralment marbut"  li jirrifjuta dan il-ftehim peress li jmur kontra l-kostituzzjoni tagħna "b’mod ċar għall-aħħar."

"Nappellaw ukoll lill-poplu Malti, b’mod partikolari lill-attivisti tal-Partit Laburista li ssieltu biex Malta tikseb in-newtralità, sabiex isemmgħu leħinhom u jesprimu l-oppożizzjoni tagħhom kontra s-SOFA," temm jgħid il-Moviment. 

More in Politika