Filmat | Il-PM Abela jaċċerta li kwalunkwe ftehim li jsir mill-Gvern jirrispetta n-newtralità ta' Malta

Il-PM mistoqsi dwar rapporti li l-Gvern wasal għal ftehim ma' dak Amerikan għal drittijiet u privileġġi lill-ħaddiema u militar Amerikan f'Malta

Il-Prim Ministru Robert Abela f'reazzjoni għall-aħbar dalgħodu  li l-Gvern Malti qed jikkunsidra li jiffirma ftehim SOFA mal-Istati Uniti, ftehim li jagħti d-drittijiet u privileġġi lil ħaddiema u anke militar Amerikan li jkun Malta, aċċerta li l-Kostituzzjoni se tkun irrispettata.  Artiklu fuq The Times jgħid li dan il-ftehim magħruf bħala Status of Forces Agreement  - SOFA - ingħata l-approvazzjoni tal-Kabinett, għalkemm jgħid ukoll li mhux il-Ministri kollha qed jaqblu ma' dan il-pass.

Mistoqsi dwaru huwa u dieħel Kastilja l-PM Abela saħaq illi huwa mhux se jwieġeb dwar materji li jiġu diskussi fil-Kabinett għalkemm aċċerta illi kull ftehim li se tagħmel Malta se jkun jirrispetta dak kollu li hemm fil-Kostituzzjoni, inkluż allura, in-newtralità li huwa punt għall-qalb ħafna votanti Laburisti hekk kif kien l-eks Prim Ministru Dom Mintoff li jista' jitqies bħala l-forza ewlenija wara l-politika tan-newtralità, filwaqt li kien qabel l-elezzjoni tal-1987 li n-newtralità ddaħħlet fil-Kostituzzjoni ta' pajjiżna. 

 Il-PM Abela aċċerta li ftehim potenzjali mal-Gvern Amerikan u r-rapport tal-Moneyval m'għandhomx xejn x'jaqsmu.

Il-Moviment Graqffitti jgħid illi jekk il-Gvern jiffirma dan il-ftehim ikun umilja lil Malta u tradixxa lill-eks PM Dom Mintoff u lill-Partit Laburista.

'Deċiżjoni li timpatta s-sovranità ta' Malta ... ma saritx konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni' 

Intant fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern għandu jkun ferm trasparenti fejn jidħlu r-relazzjonijiet ta’ pajjiżna ma’ pajjiżi oħra.  "Dak li qed jiġi rrappurtat fit-Times tal-lum, li l-Kabinett iddeċieda li jappoġġja ftehim mal-Istati Uniti magħruf bħala Status of Forces Agreement (SOFA) mingħajr ma saret l-ebda tip ta’ konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni hija ta’ tħassib kbir. Speċjalment meta ftehim ta’ din ix-xorta jħalli riperkussjonijiet oħrajn fir-relazzjonijiet li pajjiżna għandu mal-kumplament tal-pajjiżi l-oħra."

Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia fakkar illi pajjiżna huwa indipendenti u sovran bi klawsoli dwar in-newtralita’ u non allinjament fil-Kostituzzjoni tagħna. "Deċiżjoni bħal din mill-Kabinett tal-Gvern Laburista se jkun qed iħalli impatt ukoll fuq il-Kostituzzjoni, li hija l-ogħla liġi ta’ pajjiżna, u hija materjal ferm importanti li tħalli impatt fuq is-sovranita’ ta’ Malta."

'L-assigurazzjonijiet tal-Prim Ministru mhumiex kredibbli' - AD/PD

Intant l-Alternattiva Demokratika flimkien mal-Partit Demokratiku (AD/PD) wkoll sostnew li kuntratturi tal-militar tal-Istati Uniti u forzi militari li jgħaddu temporanjament minn Malta, jew mill-ibħra Maltin "għandhom ikunu soġġetti għas-sistema tal-ġustizzja Maltija u l-liġijiet u r-regolamenti kollha aplikabbli f’Malta, bħal kull ċittadin, resident u organizzazzjoni ibbażata f’Malta. Il-Forzi Amerikani m'għandhomx bżonn ta' status speċjali biex jiġġieldu l-kuntrabandu fl-ibħra internazzjonali. Barra minn hekk l-Istati Uniti mhumiex firmatarji tal-ftehim dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali u jippretendu li jiġu ttrattati b'mod differenti."

L-AD/PD saħqet illi l-Istati Uniti ma tistax tiġi fdata li żżomm ma 'standards ta' kondotta miftiehma internazzjonalment, la fil-paċi u lanqas fil-gwerra. Fakkru wkoll li l-flotta navali tal-Istati Uniti "tirrifjuta li tiżvela vapuri li jidħlu fil-portijiet ta’ pajjiżi oħra jġorrux armi nukleari jew jekk il-vapuri jaħdmux bl-enerġija nukleari. Il-portijiet tagħna għandhom ikunu ħielsa min-nukleari, u l-Istati Uniti mhix f’pożizzjoni li tiggarantixxi dam," qalet l-istqarrija. 

Il-partiti temmew jisħqu li ma jistgħux ma jinnotawx illi hemm "suspetti kbar li l-Gvern wasal għal ftehim dwar is-SOFA biex jevita attenzjoni fuq l-infurzar dgħajjef minn Malta tal-liġijiet dwar il-kriminalità finanzjarja"  Huma qalu illi l-assigurazzjopnijiet tal-PM Robert Abela "mhumiex kredibbli."  

More in Politika