Il-Koħħu jisħaq li hemm 'persuni prominenti' li għadhom ma ssemmewx fil-qtil ta' Daphne

Vince Muscat qed jakkuża lill-Ispettur Keith Arnaud u Keith Zahra li qed 'jaħlu l-ħin' biex jipproteġu terzi persuni, fosthom politiċi

 

Vince Muscat (il-Koħħu), wieħed mill-irġiel akkużati bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, qed jisħaq li fl-assassinju kien hemm involuti “persuni prominenti” li isimhom għadu ma ħariġx fil-beraħ.

Muscat qal dan f’applikazzjoni ppreżentata lill-Qorti mill-Avukat tiegħu Marc Sant u li fiha qiegħed jakkuża lill-Pulizija li qed ittawwal il-proċess biex tħejji rapport dwar it-talba tiegħu biex jingħata l-Maħfra Presidenzjali biex jikxef dak li jaf dwar l-assassinju u reati oħra.

Il-Koħħu qed jakkuża lill-Ispettur Keith Arnaud u lil Kurt Zahra li qed jaħlu l-ħin bil-għan li jipproteġu “terzi persuni prominenti” li wħud minnhom huma politiċi.

Muscat irid lill-kabinett kollu, mill-2017 sal-lum, inkluż lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat u lill-eks Chief of Staff ta’ Kastilja Keith Schembri biex jixhdu dwar it-talba tiegħu għall-Maħfra Presidenzjali.

Fakkar li kien hu li lill-Pulizija infurmahom b’Melvin Theuma, l-allegat intermedjarju fl-assassinju, allegatament imqabbad minn Yorgen Fenech, lura f’April tal-2018.

Il-Koħħu kien għamel talba oħra għall-Maħfra Presidenzjali meta Theuma u Fenech kienu arrestati mill-Pulizija b’rabta mal-assassinju, jiġifieri f’Novembru li għadda.

Hu mifhum li Muscat kellu ħames sessjonijiet mal-Pulizija, bejn Jannar u Frar u li fihom infurmahom li jaf jagħtihom dettalji dwar diversi reati mhux solvuti.

More in Politika