'Mhux edukazzjoni biss ... mill-2022 daqshekk plastik'

Fl-aħħar parti tal-intervista minn tlieta, il-Ministru Aaron Farrugia jfakkar illi l-Gvern mhux biss qed jeduka dwar il-bżonn li l-ibħra tagħna nieħdu ħsiebhom imma se jaqta' l-akbar sors ta' skart li jintrema' fihom:  Il-plastik

"Esperti jgħidu illi jekk nibqgħu sejrin kif sejrin iktar se jkun hemm plastik fil-baħar milli ħut.  Dwar dan aħna mhux biss qed nedukaw, billi nuru kemm jagħmel ħsara dak li narmu fil-baħar, imma wkoll se nieħdu azzjoni.  Mis-sena d-dieħla se nwaqqfu l-bejgħ tas-single use plastics u mill-2022 ma tkunx tista' tixtri aktar prodotti magħmulin minn dan il-materjal."

Hekk sostna l-Ministru tal-Ambjent, Tibdil fil-Klima u Ippjanar Aaron Farrugia fit-tielet u l-aħħar parti ta' intervista mal-gazzetta ILLUM. Hu kien qed jitkellem dwar il-ħidma biex jitnaddfu l-ibħra ta'  madwarna.  Qal illi apparti kampanji ta' tindif mill-ibħra għaddejjin sforzi biex in-nies jifhmu aħjar kemm ikunu qed jagħmlu ħsara ambjentali meta jarmu, sigarett per eżempju jew plastik, minħabba li dawn idumu snin twal biex jidiżintegraw. 

Mhux l-ewwel darba li naraw ritratti, fil-fatt, ta' fkieren u anke ħut mejta minħabba li jkunu belgħu l-plastik. 

'Il-bdil fil-konfini tal-2006 ma jistax jitreġġa' lura'

Intant il-gazzetta ILLUM staqsiet ukoll lil Farrugia dwar l-Awtorità tal-Ippjanar, l-akbar uġigħ ta' ras għal kważi kwalunkwe Gvern.  L-ILLUM tfakkru illi matul is-snin ġew prattikament sfigurati diversi rħula, anke ċkejkna bħall-Manikata li llum  - anke jekk għadha lokalità sabiħa ħafna - mimlija blokok ta' appartamenti. 

X'se jagħmel Farrugia biex jaċċerta li l-iżbalji tal-passat ma jerġgħux iseħħu?

Hu jfakkar illi l-ewwel u qabel kollox ċerti deċiżjonijiet li ttieħdu diġa' ma jistgħux jinbiddlu.  "Fl-2006 l-eks Ministru Nazzjonalista George Pullicino kien qabad art bejn wieħed u ieħor daqs is-Siġġiewi u taha għall-iżvilupp, poġġiehom fl-iskema biex jiġu żviluppati."

Jispjega kif minkejja li din id-deċiżjoni - li fil-fatt kienet qajmet ir-rabja u l-oppożizzjoni ta' ħafna għaqdiet u tal-midja - l-iżvilupp ma bediex fl-2006 imma wara, meta l-artijiet li tpoġġew fiż-żona tal-iżvilupp bdew jiġu 'zoned' u allura jinbnew.

"Li ġara huwa illi allura dawk il-bdiewa kellhom aspettattiva leġittima li se jibnuha dik l-art u kieku waqqafna dan kien ikollna ħafna gwerer legali, avukati u qrati - lokali u Ewropej.  Na konniex se nġibuha żewġ."

€3 miljuni fil-Ħamrun, Ħal Qormi u l-Mosta

Il-Ministru Farrugia iżda jgħid li l-Gvern qed jinvesti wkoll fi proġetti ta' tħaddir ta' żoni urbani madwar il-pajjiż. 

Huwa jgħid illi fil-Ħamrun, Ħal Qormi u l-Mosrta se jsir proġett ta' €3 miljuni  - miljun għal kull lokalità - li permezz tagħha se jsir tħaddir.  Dan mhux se jkun sempliċiment li jitpoġġew pjanti fuq il-bankini, imma eżerċizzju kompettitiv li jbiddel żoni f'dawn l-irħula fi spazji ħodor. 

Fakkar ukoll illi kemm ilu Ministru saru wkoll linji gwida għal proprjetà skedata u nħoloq buffer zone li jipproteġi bini protett, kemm fiżikament u anke mill-aspett estetiku. 

Tniġġiż mid-dawl u viżjoni għall-futur

Il-gazzetta ILLUM tistaqsi wkoll dwar il-bidliet fir-rigward ta' tniġġiż tad-dawl u għaliex iħoss l-indirizzar tat-tniġġiż mid-dawl huwa importanti. 

Farrugia jispjega kif il-Gvern ħabbar numru ta' miżuri biex jitnaqqas dan it-tip ta' tniġġiż, għax huwa ħażin għall-bniedem u anke għall-annimali.  Huwa qal illi ċerta dawl qawwi ħafna fit-toroq matul il-lejl mhuwiex meħtieġ, filwaqt li jfakkar ukoll li kien deċiż li anke billboards matul il-lejl ma jibqgħux mixgħulin. 

Finalment il-Ministru Farrugia jgħid illi l-Gvern qed iħares lejn  viżjoni fit-tul għall-ambjent, fil-fatt qed jipprepara tliet Pjani ta' Azzjoni, li kull wieħed jitratta 10 snin.  Huwa qal li għan ta' din l-istrateġija li se tfassal il-perjodu kollu sal-2050 se tara illi anke meta jkunu diskussi proġetti l-aspett ambjentali jkun importanti daqs kunsiderazzjonijiet oħrajn, bħall-ekonomija. 

X'inhuma Single Use Plastics?

Is-Single Use Plastics se jkunu fil-fatt ipprojbiti madwar l-Unjoni Ewropea kollha fl-2021.  Single Use Plastics huma oġġetti magħmulin kollha jew parzjalment mill-plastik li jintużaw darba jew għal żmien qasir qabel jintremew. 

Il-prodotti tal-plastik li huma pprojbiti skont id-direttiva huma: frieket, skieken, chopsticks u mgħaref tal-plastik, straws, platti, kontejners tal-ikel u bosta oħrajn.  Ħafna minnhom jintużaw minn nies waqt li jkunu f'xi BBQ jew inkella picnic.

More in Politika