'Kull skola tal-Gvern ġiet iċċertifikata u qed issegwi l-protokolli' - Il-Ministru Bonnici

Mil-lum, l-edukaturi daħlu lura f’107 skola statali madwar il-pajjiż

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol saħaq li kull skola tal-istat ġiet iċċertifikata li qed issegwi l-protokolli li ntalbu mill-Awtoritajiet tas-Saħħa biex l-iskejjel setgħu fetħu mill-ġdid il-bibien tagħhom.

Fil-fatt, mil-lum, l-edukaturi daħlu lura f’107 skola statali madwar il-pajjiż biex tingħata bidu għas-sena skolastika 2020/21.

“Ir-risk assessments ta’ kull skola statali ġew konklużi minn risk assessors indipendenti li qegħdin fuq ir-reġistru tal-OHSA, u dawn iċċertifikaw kull skola statali bħala skola li l-protokolli li talbu minnha l-Awtoritajiet tas-Saħħa ġew implimentati,” saħaq il-Ministru meta żar l-Iskola Primarja tal-Belt Valletta.

It-tfal, fl-iskejjel tal-istat se jibdew deħlin lura l-iskola fuq perjodu ta' mhux iktar minn ġimgħa b’effett mis-7 ta' Ottubru 2020. Xi studenti fi skejjel privati llum bdew il-lezzjonijiet tagħhom.

Il-miżuri huma varji u jibdew mill-grada tal-iskola, fejn tittieħed it-temperatura tal-persuni li huma awtorizzati li jidħlu fl-iskejjel u wkoll isir użu mis-sanitizer. 

Fl-iskejjel imbagħad hemm miżuri li jvarjaw minn distanza bejn is-siġġijiet tal-edukaturi għal dawk tal-istudenti, sa protokolli li għandhom jittieħdu kemm fl-ispazji komuni, għal-laqgħat u l-ilbies ta’ maskri u visors.

Fl-entratura ta’ kull skola, hemm uffiċjal tas-sigurtà li jara li dawk kollha li jkunu deħlin iżommu mal-protokolli.

Sakemm jibdew deħlin l-istudenti, l-edukaturi huma impenjati bl-aħħar preparamenti biex fis-7 ta’ Ottubru jibdew jilqgħu wkoll lill-istudenti għal din is-sena skolastika.

Il-Ministru Owen Bonnici rringrazzja lill-edukaturi kollha għall-impenn u għad-dedikazzjoni tagħhom, kif ukoll lill-ħaddiema kollha tas-settur li ħadmu qatigħ fix-xhur u l-ġimgħat li għaddew biex illum setgħu jiftħu l-iskejjel statali kollha.

Aqra wkoll:

More in Politika