'Sa issa l-pjan għaż-Żonqor għadu ma nbidilx ... nippreferi kieku Sadeen jibnu post ieħor'

Mal-gazzetta ILLUM il-Ministru Aaron Farrugia jgħid li ma ltaqax ma' Sadeen u jwieġeb dwar il-Politika Rurali, il-Politika tal-Pompi tal-Petrol u aktar ..

"Is-sitwazzjoni dwar l-art fiż-Żonqor hija kif kienet, status quo.  Qatt ma kelli laqgħat ma' Sadeen u nifhem li l-iżvilupp ta' dormitorju għadu fil-pjanijiet tagħhom ... jiena jekk nistgħu nevitaw iż-Żonqor, nippreferi li kieku jsir ximkien ieħor.  Imma hemm kuntratt legali."

Hekk sostna l-Ministru tal-Ambjent,  Tibdil fil-Klima u Ippjanar Aaron Farrugia  meta mistoqsi fhiex wasal il-proċess tal-proġett kontroversjali li inizzjalment kellu jara l-Università Amerikana ta' Malta mibnija kollha f'Wied il-Għajn.  Eventwalment u wara protesti biex l-art u l-ponta mill-isbaħ taż-Żonqor tkun salvata, l-proġett inqasam  b'nofsu jmur Bormla. 

Il-proġett sa issa ma jidhirx li qabad, bi ftit li xejn studenti u bi kwistjonijiet u kontroversji bejn l-għalliema u l-maniġment, bil-kumpanija tibda topera taħt it-toqol ta' telf qawwi u bis-sitwazzjoni mifhuma li marret għall-agħar minħabba l-pandemija.  

Il-Ministru jfakkar x'jgħid il-kuntratt għalkemm jgħid li kif sejrin l-affarijiet anke hu għandu numru ta' mistoqsijiet dwaru u dwar il-pjani għall-futur. 

'Irridu ngħinu lill-bdiewa ġenwini'

Il-gazzetta ILLUM tistaqsi lill-Ministru Farrugia dwar il-politika rurali ġdida.  Tfakkru li matul is-snin politika simili ġiet abbużata jew inkella saret apposta b'loopholes, biex - per eżempju - għorfa tal-baqar issir villa. Kif se jaċċerta l-Gvern li l-pajjiż jkollu politika serja li vera tħares l-ambjent u ma tħallix lok għal interpretazzjonijiet?

Farrugia jfakkar li huwa fatt li pajjiżna huwa fost l-aktar li għandu bini u allura li jeħtieġ jipproteġi fejn huwa rurali. 

"Qed naħdmu biex ngħinu lill-bidwi ġenwin, ukoll biex insostnu l-prodott lokali.  Allura ddeċidejna li l-bini f'żoni rurali ma jistax isir għajr għall-każ fejn ikun bidwi ġenwin."

Mitlub jispjega t-terminu "bidwi ġenwin" il-Ministru Farrugia spjega kif dan ifisser li jkun ilu fix-xogħol għal numru ta' snin u li jkollu annimali tar-razzett li jkunu f'rekord; jiġifieri persuna jkollha 100 baqra, 40 mogħża .. u aktar.

Farrugia jispjega kif allura l-permessi li se jingħataw huma ta' bdiewa li jkunu jeħtieġu jgħixu viċin l-annimali tar-razzett.

s-sitwazzjoni dwar l-art fiż-Żonqor hija kif kienet, status quo. Qatt ma kelli laqgħat ma' Sadeen u nifhem li l-iżvilupp ta' dormitorju għadu fil-pjanijiet tagħhom ... jiena jekk nistgħu nevitaw iż-Żonqor, nippreferi li kieku jsir ximkien ieħor. Imma hemm kuntratt legali

Kompla jgħid illi l-Gvern b'din il-Politika qed jara kif se jagħlaq it-toqob li ħalliet il-bidla fl-2014.  "Qabel kont tista' turi gorboġ ġebel u jekk turi li 500 sena qabel kienet tgħix anzjana tista' tibni.  Illum qed ngħidu li post mġarraf, per eżempju li għandu nofs is-saqaf mwaqqa' jew fejn nofs il-proprjetà hija mġarrfa, hekk se tibqa'."

Huwa jagħmel referenza għall-kwistjoni tal-Qala, fejn kamra mitluqa kienet se ssir villa u qal li bħal dan il-permess kien hemm ħafna u li tal-Qala qajmet ħafna kontroversja minħabba l-identità tal-applikant (kuntrattur Għawdxi). 

Farrugia jispjega wkoll kif il-Gvern qed iħares li jirregola dak li jirrigwarda l-kmamar agrikoli u qal li dawn issa se jingħataw permess skont diversi fatturi, fosthom kemm qed jipproduċi l-bidwi. 

Qal ukoll li l-liġi qed tagħti ċans lil min irid ikollu kamra, huwa bidwi u jixtieq jikkummerċjalizzaha biex ikun jista' jagħmel dan, sakemm il-kummerċ ikun relatat ma' dak li irabbi jew ikabbar hu.  Bħal, per eżempju, jispjega Farrugia xi ħadd li jrabbi l-fniek u li mbagħad ibiegħhom.

 Il-gazzetta tirrimarka li ħafna drabi l-abbuż hekk jibda, suppost biex ibiegħ il-fniek u jispiċċa jiftaħ super market!

"Il-kunċett huwa tajjeb.  Huwa jekk ikun abbużat li huwa ħażin."

Finalment huwa jgħid li din il-Politika Rurali qed iddaħħal l-idea li razzett li mhux qed jintuża jista' jitbiddel f'boutique hotel jew agri-turiżmu b'trasportazzjoni li jkun miċ-ċentri urbani, biex ma jkunx hemm traffiku fiż-żoni rurali. 

'Daqshekk pompi.  Li hemm, hemm'

Induru għall-ftit fuq il-pompi tal-petrol u nistaqsu jekk il-bidliet fil-pompi tal-petrol fil-fatt japplikawx għall-applikazzjonijiet preżenti quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar jew għal applikazzjonijiet ġodda biss. 

Farrugia jibda  billi jispjega li din kienet wegħda li għamel fil-bidu tat-terminu tiegħu bħala Ministru meta kien qal illi din il-Politika trid tkun lesta fl-ewwel 100 jum tiegħu.  Hu jgħid illi minn issa 'l quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar daqshekk laqgħet applikazzjonijiet għal pompi ġodda, għajr f'każ ta' rilokazzjoni. 

Fakkar illi Malta hija l-aktar pajjiż b'pompi tal-petrol kull kilometru kwadru u kien għalhekk li din il-poitika qed tistabbilixxi minimu f'dak li jirrigwarda daqs u anke bogħod minn pompa għall-oħra.  Fakkar ukoll lil din il-gazzetta illi din il-politika intlaqgħet b'mod pożittiv mill-għaqdiet ambjentali. 

Għall-mistoqsija oriġinali tal-ILLUM il-Ministru Farrugia saħaq illi l-politika hija retorattiva u tgħodd għal kull applikazzjoni li hemm quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar, għajr għal dawk l-applikazzjonijiet li jinsabu fi stadju ta' appell. 

Miljun ewro investiment fil-Park tal-Majjistral

Il-gazzetta ILLUM tistaqsi lil Farrugia dwar proġetti ta' konservazzjoni ta' wirt  ekoloġiku u ssemmi l-Park tal-Majjistral.  Qed isir ċerta abbuż, bħal per eżempju off roading, fuq żona protetta bil-liġi u dan għaliex il-grada titħalla miftuħa għall-karozzi.  Ma jaħsibx li dan mhuwiex  sew?

"L-offroading fil-Park tal-Majjistral huwa llegali," jibda jispjega l-Ministru.  Hu jisħaq iżda li l-grada ma tistax tingħalaq għalkemm jindika li fost il-bidliet fl-investiment li se jkun qed isir fil-Park tal-Majjistral il-Gvern qed iħares lejn teknoloġija li permez tiegħu turi card biex tkun tista' tidħol. 

"Investejna fil-park billi fost oħrajn żrajna siġar u saru studji.  Fil-fatt għandi f'idejja abbozz ta' masterplan għaż-żona biex dan il-park jittejjeb u jintużaw ċerta faċilitajiet li hemm u li bħalissa m'għandhomx użu, bħal barracks xħin tidħol.  Hemm pjan ċar u se nkunu qed ninvestu mal-miljun ewro fil-Park tal-Majjistral," spjega l-Ministru Aaron Farrugia.

Mistoqsi kemm għadhom isibu żibel li jintrema' fil-kampanja, il-Ministru Aaron Farrugia qal illi hemm żewġ tipi ta' żibel li jintrema':  L-ewwelnett hemm oġġetti bħal għamajjar u saqqijiet, pero' mbagħad hemm ukoll skart tal-kostruzzjoni - li l-Ministru jindika li kienet problema akbar.  Ifakkar li l-akbar problema kienet meta kien hemm il-kwistjoni tal-barrieri ftit żmien ilu, kwistjoni li kif kienet żvelat il-gazzetta ILLUM wasslet biex il-kuntratturi tal-proġetti kollha tat-toroq heddew li jwaqqfu l-proġetti sakemm jintlaħaq qbil dwar il-prezz li bih jistgħu jarmu l-iskart fil-barrieri. 

"Din il-problema dħalt fiha u solvejtha," qal Farrugia. 

Mistoqsi x'sar minnhom il-Green Wardens, il-Ministru qal illi dak kien esperiment li ma ħadimx u li l-Gvern preżenti beda l-idea ta' Green Rangers.  "Fil-Park tal-Majjistral per eżempju diġa' għandna dawn ir-rangers li qed joperaw u xogħolhom mhuwiex sempliċiment li jservu ta' uffiċjali ta' sigurtà imma li jkunu edukattivi - fis-sens li jafu l-post, fejn trid timxi u għandhom għarfien dwar il-flora u fawna."

Nhar il-Ħadd li għadda l-gazzetta ILLUM żvelat kif il-Gvern, fix-xhur li ġejjin se jkun qed jaħdem fuq tliet impjanti li jitrattaw l-iskart b'investiment ta' nofs biljun ewro. 

(It-tielet u l-aħħar parti tal-intervista tal-gazzetta ILLUM mal-Ministru Farrugia tkun ippubblikata bħal-lum ġimgħa)

More in Politika