Arcidiacono jakkuża lil Delia illi ma kienx trasparenti fil-ħruġ tal-invoices fuq €86,210

Boris Arcidiacono qed ifittex lil Adrian Delia għal €86,210 li l-kumpanija tgħid li qatt ma awtorizzat li jitħallsu lil Delia għal servizzi li tiċħad illi l-Kap tal-PN qatt ta lill-kumpanija

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Adrian Delia
Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Adrian Delia

F'ittra l-avukat tal-Kumpanija Boris Arcidiacono sostna illi Adrian Delia ma kienx trasparenti meta ħareġ invoices dwar €86,210 li l-istess Delia ħa u li l-kumpanija qed tikkontesta quddiem il-Qorti.  Il-kumpanija dejjem sostniet illi hi qatt  ma tat lill-Bank xi forma ta' permess biex Delia jieħu dan l-ammont hu għal "irwol limitat ħafna li ċertament ma jimmeritax €86,210" għal servizzi mogħtija lilu.

Il-kumpanija nnotat illi filwaqt li l-panel tad-due diligence tal-Partit Nazzjonalista ma kellu ebda rwol statutorju u kellu riżorsi limitati biex jinvestiga, dawn il-limitazzjonijiet jistgħu jwasslu "biex tkun ippreġudikata l-pożizzjoni tal-klijent tagħna."

Il-kumpanija fakkret illi inizzjalment Arcidiacono ma fetaħx każ kontra Delia iżda biss kontra l-bank li għadda dan il-pagament.  Fakkret ukoll iżda li kien il-bank li talab biex Delia jwieġeb għal għemilu u l-flus li ħa u jkun parti mid-difiża f'dan il-każ. "Huwa irrelevanti li l-HSBC (il-bank in kwistjoni) u l-Kamra tal-Avukati ikkonkludew li ma kien hemm xejn ħażin, ladarba hemm każ il-Qorti fuq din il-materja." 

Arcidiacono qed jiċħad l-istqarrijiet tal-Kap tal-PN Delia li hu tħallas €86,210 għal servizzi ta' negozjar ma' kredituri u ftehim.  "Is-servizzi lil Delia qatt ma mmeritaw €86,210," tgħid il-kumpanija.

Il-kumpanija takkuża lil Delia illi filwaqt li deher illi ried ikun trasparenti fuq is-servizzi li ta lill-kumpanija, "kien inqas trasparenti meta ppubblika l-invoices għax is-servizzi li qal lill-panel tad-due diligence qabel ma ssemmewx fl-invoice."

Boris Arcidiacono jtemm isostni li hu qatt ma awtorizza dan il-ħlas lil Adrian Delia. 

More in Politika