Jipproponi li f'każi ta' delitti gravi l-Pulizija jkollhom dritt iżommu lil xi ħadd taħt arrest għal 96 siegħa

Jason Azzopardi jipproponi sistema fejn pulizija jkunu jistgħu - għal raġunijiet validi u ċari, f'reati gravi, iżommu persuna taħt arrest għal 96 siegħa

Id-Deputat tal-Partit Nazzjonalista u Kelliem għall-Ġustizzja Jason Azzopardi qed jipproponi li biss f'każi gravi, bħal omiċidju u wara li jinġiebu ragunijiet li huma validi, gravi u cari, il-pulizija għandha jkollha d-dritt li testendi l-arrest ta' persuna għal 48 siegħa oħra.  Sa issa, skont il-liġi, persuna tista' tinżamm biss taħt arrest għal 48 siegħa u meta jiskadi dan il-perjodu ta' ħin il-pulizija jkunu jeħtieġu jitilqu lill-persuna mill-arrest. 

F'messaġġ li ħalla fuq il-paġna tiegħu ta' Facebook id-Deputat sostna li l-pulizija jeħtieġ jingħataw aktar għodda biex jiġġieldu l-kriminalità organizzata u fakkar illi l-kriminalità organizzata hija "xibka.  Appuntu għalhekk li tissejjaħ organizzata.  Għandha struttura, ovvjament mhux miktuba fi Statut jew karta.  Hija attrezzata ħafna. Hija mgħammra b'riżorsi, umani u teknoloġiċi, li ma kinux jeżistu 20, 30 u 40 sena ilu.  Hemm l-omertà bejn il-membri. Mhux la kemm tkisser is-solidarjetà ta' bejn il-membri tal-qarnita. Hija kattiva, magħquda ponn u mmexxija minn ħażen fond."

Huwa fid-dawl ta' dan li Azzopardi qed jagħmel din il-proposta 

"Sabiħ li nselmulhom lill-pulizija tagħna ... imma mhux biżżejjed.  Ejja nagħtuhom l-għodda li jeħtieġu biex jiġġieldu l-mafja."

More in Politika