'Ma naqbilx mal-istil ta' Bedingfield ... imma m'hemmx paragun ma' li kienet tikteb Daphne'

Il-Ministru Bonnici jistqarr waqt l-inkjesta pubblika fl-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia li ma jistax jifhem għalfejn din kienet tħallat ix-xogħol ġurnalistiku mal-attakki personali

Meta kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-avukat tal-familja Carauna Galizia, Therese Comodini Cachia, il-Ministru Owen Bonnici ddefenda l-istqarrijiet tiegħu illi Daphne Caruana Galizia hija 'hate blogger', stqarrija li kien għamilha wkoll mal-gazzetta ILLUM. 

"Kien hawn sentiment fil-pajjiż illi ċerti stejjer kienu purament dwar kwistjonijiet personali.  Jekk irridu inkunu onesti kollha għidna li kien żżejjed.  Anke l-Arċisqof kien tkellem dwarha," qal Bonnici fil-Qorti, hekk kif qed tkompli għaddejja l-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galziia. 

Huwa qal li ma jistax jifhem għalfejn il-ġurnalista assasinata kienet tħallat affarijiet personali ma' dak "li mill-bqija jista' jiġi kkunsidrat xogħol ġurnalistiku tajjeb."  Il-Ministru qal li l-pajjiż għandu bżonn xogħol ġurnalistiku, investigattiv, "imma dan l-istil (ta' Caruana Galizia) ma kienx it-tip tiegħi."

Mistoqsi jekk qatt imma kitibx tweets li fihom ikkritika bl-aħrax lil Caruana Galizia, Bonnici qal li hu kellu dritt jirrispondi u sostna illi ladarba kien hemm blog, "li qed ixerred b'mod kontinwu sentiment ta' odju personali ... ma naħsibx  li żewġ tweets jew tlieta se joħolqu ambjent ta' mibgħeda."

Mistoqsi dwar il-blogg li kellu Glenn Bedingfield li kien bħal kontro-blogg għal dak ta' Caruana Galizia, Bonnici qal li dak l-istil ma jogħġbux imma sostna wkoll li m'hemmx paragun bejn li kienet tikteb Caruana Galizia u li kien jikteb Bedingfield.

Fil-bidu tas-sessjoni l-Maġistrati li qed imexxu l-inkjesta ħadu nota tal-allegazzjoni li għamel l-istess Bedingfield illi din l-inkjesta jista' jkun li għandha għanijiet partiġġjani. 

F'dan il-punt Comodini Cachia weriet artiklu lil Bonnici mill-gazzetta ILLUM tat-12 ta' Frar 2017 illi fih huwa kkwotat jgħid illi 'Daphne hija hate blogger'.  Hu kien mistoqsi mill-gazzetta dwar jekk il-Gvern hux se jneħħi l-ordni ta' sekwestru fuq ġurnalisti. 

Bonnici jirreferi għal post ta' Caruana Galizia illi fiha kienet qalet illi għandu jitgħallaq bħal Mussolini, liema post kienet imbagħad imħassra.  Comidini Cachia tgħid li Caruana Galizia kien ikkjarifikat mal-Malta Independent li hi qatt ma kient kitbet hekk, imma Bonnici insista li hu ra dan il-post b'għajnejh. 

 

More in Politika