Il-Ministru Owen Bonnici : ‘Daphne hija hate blogger...’

Dan sostnieh meta ġie mistoqsi jekk il-Gvern hux beħsiebu jneħħi is-sekwestru fuq ġurnalisti

Mistoqsi mill-ILLUM jekk iħossx li l-Gvern għandu jneħħi l-ordni tas-sekwestru fuq assi ta’ ġurnalisti, fid-dawl tal-kontroversja li qamet din il-ġimgħa meta l-Qorti laqgħet is-sekwestru ta’ €46,000 tal-Ministru Chris Cardona fuq Daphne Caruana Galizia, il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici saħaq illi Caruana Galizia, ‘hija hate blogger’.

L-ILLUM staqsiet lil Bonnici jekk iħossx li s-sekwestru fuq il-ġurnalisti għandu jitneħħa, bil-Ministru l-ewwel ifakkar illi filwaqt li jifhem li f’dan id-dibattitu tqanqlu argumenti dwar proporzjonalità, ‘nifhem ukoll li din l-għodda legali tal-kamp ċivili qatt ma kienet immirata kontra ġurnalisti li jaħdmu fil-mezzi tax-xandir.’  

Mistoqsi allura dwar dan il-każ partikolari Bonnici dlonk saħaq illi ‘Daphne hija hate blogger. L-argumenti bdew issa (dwar is-sekwestru) bħala difiża esklussiva għal persuna li tuża blog, li flok espressjoni ġurnalistika ixxerred, fil-maġġoranza assoluta tal-każijiet, espressjoni kontinwa ta’ mibegħda l-iktar profonda. X’hemm ġurnalistiku f’li tħeġġeġ lil min jispara fuq ħaddieħor jew li titlob lil xi ħadd idendel persuna fi pjazza rasu ’l isfel?’ staqsa l-Ministru f’referenza indiretta għall-bloggs li nkitbu dwaru mill-istess persuna. X’hemm ġurnalistiku li tgħajjar bil-mard u bid-diżabilità? Jew li tumilja tfal żgħar?’

Iktar kmieni din il-ġimgħa l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, li llum se jlaqqa’ l-partitarji tiegħu f’Tas-Sliema f’dik li (mhux uffiċjalment) qed tkun meqjusa bħala solidarjetà ma’ Caruana Galizia,  wiegħed illi Gvern Nazzjonalista jneħħi l-possibilità li ġurnalist jiffaċċja ordni ta’ sekwestru.

Kburi li jien parti minn Gvern li se jneħħi l-libell kriminali’

Mistoqsi mill-ILLUM jekk iħossx li dan is-sekwestru partikolari kienx iġġustifikat il-Ministru Bonnici sostna illi ‘meta wieħed jgħarbel il-bilanċ li għandu jintlaħaq u kwistjonijiet ta’ proporzjonalità wieħed għandu jpoġġi fil-miżien il-vittmi, ‘f’dan il-każ mijiet ta’ nies li sfaw fil-mira ta’ dawn l-attakki bla ħniena, ħafna drabi mibnija fuq nofs veritajiet. Il-vittmi f’dawn il-każijiet, ‘ kompla jgħid il-Ministru, ‘huma l-mijiet ta’ nies li sfaw fil-mira ta’ dawn l-attakki bla ħniena, ħafna drabi mibnijin fuq nofs veritajiet. Fosthom meta jiġi mgħajjar xi ħadd qrib tiegħek li jkun mietlek ftit jiem qabel. Faċli titkellem jekk ma tgħixx l-esperjenza.’

Intant l-ILLUM staqsiet ukoll lil Bonnici fiex waslu d-diskussjonijiet dwar bidliet proposti fil-Liġi tal-Libell. Bonnici, filwaqt li qal illi huwa kburi li qed ikun dan il-gvern li jmexxi aġenda ‘progressiva favur titjib tal-liġijiet li jirregolaw l-prinċipji fundamentali tad-demokrazija,’ fakkar illi l-abbozz li ressaq il-Gvern fil-Parlament u li jinsab fi stadju tal-ewwel qari  se jintroduċi bidliet importanti. ‘Ewlenija fosthom it-tneħħija tal-libell kriminali u l-kitba fil-liġi ta’ numru ta’ drittijiet ġurnalistiċi li ġew stabbiliti b’sentenzi tal-Qrati matul is-snin.’

Il-Ministru Bonnici qal ukoll illi l-abozz li qed iressaq il-Gvern se jdaħħal mekkaniżmi ġodda bl-għan li tinħoloq sistema ta’ alternative dispute resolutions, jew  ta’ medjazzjoni u b’hekk każi ta’ libelli li ma jkunux meqjusin bħala serji ħafna jkunu jistgħu jgħaġġlu iktar.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni sar ħaġa waħda ma’ DCG

Intant mal-ILLUM Il-Ministru tal-Ġustizzja argumenta illi huwa ‘żball kbir li l-Kap tal-Oppożizzjoni sar ħaġa waħda ma din il-persuna li tispeċjalizza fit-tgħajjir personali. Daphne Caruana Galizia saret prattikament u b’mod b’saħħtu ħaġa waħda mal-Partit Nazzjonalista.’

Huwa kompla jsostni illi hija xi ħaġa ‘negattiva illi l-istejjer ta’ mibegħda sabu posthom fil-Parlament’  u li Simon Busuttil ‘qed japprova bla kwalifika ta’ xejn kull kelma li kitbet il-hate  blogger’ matul is-snin inkluż kontra l-familja De Marco.’  

Intant il-każ mistenni jitressaq quddiem il-Kunsill tal-Ewropa hekk kif ġie mressaq mill-Federazzjoni Ewropea tal-Ġurnalisti.

More in Politika