'Dwar Keith Schembri niddeċiedi jien u mhux il-Kabinett' - Muscat lil Fearne

Id-Deputat Prim Ministru jgħid ukoll li ma kellux l-aqwa relazzjoni ma' Keith Schembri għax pprova jaħdem kontrih biex ma jkunx elett Deputat Mexxej

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne saħaq li meta l-Kabinett kien iddiskuta l-kwistjoni tal-Panama Papers, id-diskussjoni kienet l-aktar dwar l-involviment ta’ Konrad Mizzi u mhux ta’ Keith Schembri.

Fearne qal dan waqt li kien qed jixhed fl-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia meta d-diskors waqa’ fuq kwistjoni tal-Panama Papers u d-diskussjoni fil-Kabinett dwarha.

​"Jiena għidt ċar u tond li Konrad Mizzi u kien Keith Schembri kellhom jitilqu ... il-Prim Ministru kien qalli li Mizzi mhux se jibqa' Ministru. Dwar Keith Schembri kien qalli: hu person-of-trust tiegħi u dwaru niddeċiedi jien u mhux il-Kabinett."

Kompla jisħaq li Muscat kien insista li hu għandu fiduċja fi Schembri.

"Il-Prim Ministru kien bagħat għall-Ministri wieħed wieħed wara l-Panamagate. Id-diskussjoni kienet l-aktar dwar Konrad Mizzi,” insista Fearne. 

Għaliex ivvota favur Mizzi?

L-Avukat Comodini Cachia staqsietu għaliex ivvota favur Konrad Mizzi meta fil-Parlament kien hemm mozzjoni ta’ sfiduċja.

Huwa qal li l-Grupp Parlamentari segwa l-istruzzjonijiet tal-Whip. Fakkar li s-sitwazzjoni kienet ftit “stramba” għax il-mozzjoni kienet ippreżentata minn Marlene Farrugia (li kienet għadha kemm irriżenjat mill-PL) filwaqt li l-Whip kien is-sieħeb tagħha, Godfrey Farrugia.

Fearne u r-relazzjoni tiegħu ma' Keith Schembri

Dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ Keith Schembri, Fearne saħaq li din ma kinitx xi waħda tajba, aktar u aktar għcx hu kien wera t-tħassib tiegħu li l-istess Schembri pprova jagħmillu l-ħsara ("ifixkilni") biex ma jkunx elett bħala Deputat Mexxej. 

Id-Deputat Prim Ministru insista li hu ma kienx jaqbel dwar kif żviluppa l-irwol taċ-Chief of Staff fl-aħħar 20 sena u insista li kien hemm wisq konċentrazzjoni tal-poter.

“Jiena kont tal-opinjoni li dan l-irwol għandu jitneħħa,” insista.

Mistoqsi dwar ‘il-kitchen cabinet,” li dwarha kien tkellem Evarist Bartolo, Fearne insista li la kien jaf bih u wisq inqas kien parti minnha.

Comodini Cachia kompliet tistaqsi lil Fearne dwar Neville Gafá, eks uffiċjal tal-Gvern u ħabib personali ta’ Keith Schembri.

'Gafá rrifjuta li jiltaqa' miegħi'

Fearne qal li meta sar Segretarju Parlamentari għas-Saħħa fl-2014, Gafá kellu uffiċċju fil-Ministeru għas-Saħħa u kien jirrapporta lill-Kastilja.

Spjega kif ftit wara, Konrad Mizzi, dakinhar Ministru għas-Saħħa, kien tah kuntratt mal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi.

Kompla jgħid li meta sar Ministru, kien irċieva allegazzjonijiet dwar Gafá u l-każ tal-visas mediċi.

“Jiena għaddej immedjatament il-korrispondenza lill-Pulizija, issiġġilajna l-uffiċċju u Gafá ma baqas impjegat tal-Ministeru,” saħaq Fearne.

Insista li wara dan, kellu uffiċċju f’Kastilja.

“Meta tlabtu spjegazzjoni, irrifjuta li jiltaqa’ miegħi. Waqqaftlu l-impjieg,” insista Fearne.

Fearne la kellu chat ma' Joseph Muscat u lanqas kien mistieden għall-party tal-Girgenti

Mistoqsi mill-Avukat Jason Azzopardi, Chris Fearne qal li hu ma kienx mistieden għall-party tal-Girgenti, l-istess party li għalih kien mistieden Yorgen Fenech.

Wieġeb ukoll li hu ma kellux chat ma' Muscat u Schembri.

"Bejnietjna t-tlieta le. Kont nibgħat biss lill-PM," insista Fearne.

Ta' min ifakkar li fil-Qorti kien irriżulta li teżisti chat fuq WhatsApp bejn Joseph Muscat, Keith Schembri u Yorgen Fenech. 

More in Politika