Delia jwiegħed li jkompli jibni fuq il-programm tiegħu ta' ħames snin jekk elett Kap

Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia jgħid illi bl-ekonomija kif inhi u l-qgħad jiżdied "issa huwa l-mument"

F'intervista fuq Net Fm Adrian Delia, Kap Nazzjonalista, ammetta li s-sondaġġi juru lill-PN sejjer lura u saħaq li jekk il-partit se jibqa' jaħseb li huwa ta' settur wieħed tal-poplu mhux se jimxi 'l quddiem.  Huwa qal illi kellu pjan ta' ħames snin u jrid ikompli jibni fuqu u qal illi l-elezzjoni interna se tfisser illi l-partit se jitlef maratona ta' ġbir ta' fondi. 

"Il-kandidati lesti biex nuru lin-nies li għandna uċuħ ġodda imma hemm min qiegħed ifixkel u min qed ifixkel ma nistgħux inħalluh." 

"Issa li l-qgħad qed jiżdied, issa n-nies qed ifittxu, issa l-mument ... allura issa l-mument li nfixklu lil xulxin?  Fi tliet snin ksibna riżultati tajbin," saħaq Delia.  Hu qal li jekk il-PN kien qed jirriskja li jitlef il-każini ma tilifhomx, il-PN daħħal nies ġodda - anke permezz tal-clusters u kandidati ġodda mal-istess PN. 

"Imma kien hemm minn din kienet qed idejqu għax kien se jitlef il-poter.  Il-poter huwa kemm se tkun lest isservi" qal Delia li saħaq illi x-xogħol ta' tliet snin m'għandux jitħalla jiġġarraf.  

Adrian Delia nsista li l-għaqda ma tiġix meta tarmi l-għażla tat-tesserati ta' tliet snin ilu.  "L-għaqda tfisser li naħdmu flimkien u allura nkunu leali lejn xulxin.  Jiena ċert li t-tesserati jridu dak li għażlu tliet snin ilu." 

"Partit rebbieħ qatt ma jista' jinbena fuq it-tradiment," sostna Delia. 

 

More in Politika