Bernard Grech jitfa' n-nomina: 'Irrid lill-PN isir alternattiva b'saħħitha għall-Gvern preżenti'

Bernard Grech jitfa' n-nomina għat-tiġrija li ser isseħħ fil-bidu ta' Ottubru

Bernard Grech, Kandidat għall-elezzjoni ta' Kap tal-PN
Bernard Grech, Kandidat għall-elezzjoni ta' Kap tal-PN

L-avukat Bernard Grech uffiċjalment tefa' n-nomina għall-elezzjoni ta' Kap ġdid Nazzjonalista.  Hu mar jippreżenta n-nomina tiegħu flimkien ma' martu, hekk kif ir-rapport tad-due diligence witta' t-triq biex iż-żewġ kandidati jkunu jistgħu jtellqu għal din l-elezzjoni.  Grech sostna matul l-aħħar sigħat li hu ma jkollu ebda problema jippubblika r-rapport kollu ladarba dan jiġi mogħti lilu mill-Kummissjoni elettorali tal-PN. 

Fl-ewwel kummenti tiegħu Grech indika li madwar 1,000 persuna ffirmaw biex jappoġġjaw in-nomina tiegħu u qal li jinsab onorat b'dan kif jinsab bir-rispons pożittiv fl-inizzjattiva tal-Crowd Funding biex tiġi finanzjata l-kampanja tiegħu.  Hu reġa' qal illi din l-inizjattiva se tkun awditjata u li r-rapport se jkun ippubblikat kollu wkoll. 

"Il-kampanja tiegħi hija waħda sempliċi b'messaġġ ċar.  Sejħa biex il-Partit Nazzjonalista jingħaqad, jiġġedded u iva finalment jirbaħ."

"Dan il-partit jeħtieġ ikun b'saħħtu.  Jeħtieġ ikun alternattiva b'saħħitha għall-Gvern preżenti." 

Grech - juru s-sondaġġi kien jinsab fuq quddiem sew fuq il-Kap kurrenti Adrian Delia.  Sondaġġ fost it-tesserati magħmul mill-Mediatoday u ppubblikat fid-9  ta' Awwissu juri illi Grech kellu l-appoġġ ta' 63% tat-tesserati filwaqt li kienu 23.3% li qalu illi jappoġġjaw lil Delia.  Grech kien l-aktar b'saħħtu fid-disa' u l-10 distrett (l-aktar distretti Nazzjonalisti) u l-Ħames distrett (fejn Grech għex  u għandu l-uffiċċju). 

Iktar riċenti, f'sondaġġ fost il-poplu in ġenerali rriżulta li 72.4% tal-votanti Nazzjonalisti fl-2017 jippreferu lil Grech filwaqt li 13% biss jafdaw lil Delia.  L-istess sondaġġ wera' illi filwaqt li l-maġġoranza jafdaw lill-PM u Mexxej Laburista Robert Abela (51.7%), 32.1% jafdaw lil Grech u 11.6% jafdaw lil Adrian Delia.

Is-sitwazzjoni ta' fiduċja f'Adrian Delia f'Għawdex hija waħda mwiegħra ħafna. 

Minkejja dan kollu Grech spiċċa f'nofs kontroversja meta l-gazzetta ILLUM żvelat kif kellu pendenzi ta' taxxa tad-dħul u VAT li jitilgħu għal €62,000 fuq medda ta' snin u l-fatt li ħarġu żewġ notifiki bil-Qorti li jwissuh biex iħallas.  Grech ħallas dawn il-pendenzi u pproduċa ċertifikat li juri dan. 

 

More in Politika