Grech ikaxkar fl-ewwel sondaġġ: 63% jafdawh - popolari f'ħafna distretti l-aktar il-ħames, disa' u l-Għaxar

Bernard Grech huwa fdat minn 63% tat-tesserati  - huwa popolari l-aktar fil-5, 9 u l-10 Distretti, fost t-tesserati anzjani u dawk b'edukazzjoni primarja u terzjarja

L-Avukat Bernard Grech
L-Avukat Bernard Grech

Is-sondaġġi qegħdin juru appoġġ qawwi fost it-tesserati għal Bernard Grech - wieħed mill-kandidati għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista u l-persuna li mistennija ittellaq ma' Adrian Delia f'tiġrija li mistennija ssir fil-ġimgħat li ġejjin. Żewġ sondaġġi - wieħed tal-MISCO u dalgħodu tal-Maltatoday juru illi Bernard Grech għandu 'il fuq minn 60% tal-appoġġ fost il-membri tal-partit li jħossu fil-biċċa l-kbira tagħhom illi l-għaqda fil-PN hija neċessarja u l-akbar nuqqas. 

Meta mistoqsijin lil min jafdaw mil-lista ta' nies li kienu qed jissemmew għat-tmexxija, il-parteċipanti - li huma tesserati biss - 63.1% wieġbu li għandhom fiduċja fi Grech filwaqt li kienu biss 23.3% li qalu illi għandhom fiduċja fil-kap kurrenti Adrian Delia. Il-bqija - jiġifieri minoranza żgħira semmew lill-kandidati l-oħrajn li kienu qed jissemmew u li jidher li ma tantx għandhom appoġġ fil-PN bħal Roberta Metsola u Therese Comodini Cachia.

F'termini ta' edukazzjoni l-aktar li jappoġġjaw lil Bernard Grech huma l-anzjani (65+) b'68.9%, dawk li għandhom livell primarju ta' edukazzjoni b'71.2% u fost dawk b'livell ta' edukazzjoni terzjarja b'65.9%.  Interessanti illi fost dawk li qegħdin jew għandhom livell ta' edukazzjoni terzjarja Delia kważi m'għandu l-ebda appoġġ b'5.6% biss jgħidu li jafdaw fih. 

Fl-ebda livell ta' edukazzjoni Delia ma jġib riżultati tajbin. 

Intant f'termini ta' distretti Bernard Grech huwa popolari ħafna fost it-tesserati tal-Ħames Distrett - li huwa d-distrett fejn fil-fatt kien jgħix għal ħafna snin (Birżebbuġa).  Hawnhekk 85.8% tat-tesserati qalu li jafdaw fi Grech.  Flimkien ma' dan id-distrett Grech huwa popolari wkoll  fid-disa' (75.5%) u l-10 (81.6%). 

L-unika distrett fejn Grech u Delia jiġu qrib huwa l-ewwel Distrett fejn 41.7% jafdaw lil Delia u 51% lil Grech.

 

More in Politika