‘Ħmistax oħra tibda l-iskola u għad għandna elf mistoqsija’ - Ġenituri jitkellmu mal-ILLUM

Ftit aktar minn ħmistax qabel tibda l-iskola, il-gazzetta ILLUM titkellem ma’ ġenituri li ħafna minnhom ilmentaw kif l-iskejjel rispettivi ta' uliedhom għadhom ma kkomunikaw magħhom kważi xejn dwar l-operat tal-iskola

L-aħħar xhur, partikolarment qabel is-sajf, ma kienu xejn faċli għal diversi ġenituri u persuni li jrabbu t-tfal għax apparti li riedu jlaħħqu max-xogħol tad-dar u l-impjieg tagħhom, riedu jieħdu ħsieb lill-uliedhom u anke jassiguraw li dawn ilaħħqu max-xogħol tal-iskola li l-edukaturi tagħhom, minkejja li ‘l bogħod, kienu qed jibagħtulhom.

Fi ftit jiem se jiftħu l-iskejjel iżda dan mhux bilfors li se jagħmel il-ħajja tal-ġenituri aktar faċli. Għall-kuntrarju, diversi huma dawk il-ġenituri li għad għandhom elf mistoqsija dwar kif se taħdem l-iskola u t-trasport, biex ma nsemmux dawk li huma mħassba immens dwar kemm il-ftuħ tal-iskejjel huwa ideali.

Dwar dan, fl-aħħar jiem, il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ diversi ġenituri u ppruvat tifhem il-mistoqsijiet li għad għandhom, it-tħassib tagħhom u anke l-isfidi li se jkunu qed jiffaċċjaw.

Il-ġenituri kollha li l-ILLUM tkellmet magħhom urew it-tħassib tagħhom dwar il-fatt li ftit jiem qabel uliedhom jirritornaw fil-klassijiet, l-iskejjel għadhom ma kkomunikawx magħhom dwar il-miżuri li se jkunu qed jimplimentaw jew kif se jkunu qed jassiguraw li l-istudenti jsegwuhom.

“Mill-iskola rċevejna biss imejl biex inħallsu €100 għall-istationary, €5 għad-diary u €30 għal spejjeż oħra. Kellha ssir laqgħa magħna iżda wara li ġew ippubblikati l-protokolli tħassret. Sal-lum għadna ma smajna xejn. Għandna elf mistoqsija,” saħqet mal-gazzetta ILLUM din l-omm li għandha żewġt itfal jattendu l-primarja.

“Anke fuq l-uniformijiet għandna ħafna mistoqsijiet. U l-maskri vera se jkunu kkulluriti biex l-għalliema jgħarfu lill-istudenti u jassiguraw li jibqgħu mal-istess grupp? Xejn għadna ma nafu,” qaltilna omm oħra. 

Fil-fatt, fl-aħħar jiem, l-iskola San Anton infurmat lill-ġenituri u lil dawk li jieħdu ħsieb lit-tfal li l-istudenti kollha tagħha, mill-kindergarten sa Year 3 irid ikollhom kappell bil-visor bħala parti mill-uniformi tagħhom. 

“Jekk se jkun hemm bidliet fl-uniformi, jew inkella jrid ikun hemm maskri bil-kulur, irridu nkunu nafu minn issa u mhux fl-aħħar,” kompliet tgħidilna l-istess omm.

Lanqas għat-trasport għadni ma nafx x’se jiġri...

Aktar ġenituri, li tkellmu mal-gazzetta ILLUM urew it-tħassib tagħhom dwar it-trasport tal-iskejjel.

Omm partikolari għandha żewġt itfal li għalkemm jattendu l-istess skola, dawn ma jmorrux fl-istess lokalitajiet għax wieħed minnhom huwa fil-primarja u l-ieħor fil-kindergarten.

Minħabba l-fatt li skont il-linji gwida, ma jistax ikun hemm taħlit ta’ tfal fuq il-vannijiet tal-iskola, tal-vann ma jistax jagħmel bħal qabel, jiġifieri l-ewwel iwassal it-tfal tal-kindergarten u wara jibqa’ sejjer bit-tfal tal-primarja u l-istess jagħmel biex jiġborhom wara l-iskola.

“Il-kbir se jkollu vann, iżda ż-żgħir għad ma għandux trasport għax tal-vann mhux se jagħmel vjaġġ għalih biss. Tliet ġimgħat qabel għadu bla trasport,” insistiet din l-omm.

Kompliet tgħid mal-ILLUM li anke jekk isibulu vann, xorta waħda se tinħolqilha sfida, għax issa iż-żewġ uliedha mhux se jirkbu l-vann flimkien u mhux se jaslu lura fl-istess ħin. “X’se nagħmel bix-xogħol? Filgħodu diġà ġirja mal-ħin. Aħseb u ara issa,” kompliet tisħaq l-omm. 

Bħal din l-omm, kien hemm ġenituri oħra li wrew it-tħassib tagħhom.

Dwar it-trasport, il-gazzetta ILLUM tkellmet ukoll mal-Ministru Owen Bonnici li spjega kif x-xufiera se jkunu jistgħu jirraportaw studenti li ma jħarsux il-miżuri.

"Jittieħdu l-passi neċessarji waqt li student jista’ jitlef l-użu tat-trasport jekk ma jobdix," saħaq il-Ministru Bonnici.

Fl-iskola se jkun hemm clusters ... iżda t-tfal mhux xorta se jitħalltu?

Hemm kwistjoni oħra li ġenituri wrew it-tħassib tagħhom dwarha mal-gazzetta ILLUM, anke jekk din il-Ministeru għall-Edukazzjoni ma għandux totalment kontroll fuqha.

Skont il-protokolli mħabbra għall-iskejjel, ma jistax ikun hemm taħlit ta’ tfal fl-iskola. Fl-iskejjel, kemm jista’ jkun, it-tfal għandhom jibqgħu fl-istess klassi biex ikollhom biss kuntatt mal-istess grupp ta’ studenti. Dan jgħodd ukoll għat-trasport (kif spjegat aktart ‘il fuq).

Madanakollu, diversi ġenituri staqsew x’effett se jkollha din il-miżura, meta wara l-iskola, it-tfal xorta waħda se jkunu qed jitħalltu ma’ tfal oħra.

Apparti l-Ministru, il-gazzetta ILLUM bagħtet ukoll għadd ta' mistoqsijiet lis-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija. Fost oħrajn staqsiet dwar il-preparamenti li qed isiru, il-feedback li qed jirċievu mill-edukaturi u l-kommunikazzjoni mal-għalliema.

Ir-risposta li ngħatajna kienet din: "Is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija għaddej b’ħidma intensiva mal-iskejjel tal-Knisja u b’diskussjonijiet ma’ diversi awtoritajiet. Fejn l-arranġamenti se jkunu maħsuba għaċ-ċirkustanzi partikulari ta’ kull skola, l-informazzjoni se tingħata direttament mill-iskejjel lill-ġenituri. L-informazzjoni l-oħra titwassal ladarba d-diskussjonijiet jiġu konklużi."

More in Politika