Esklussiva | Studenti jistgħu jitilfu l-użu tat-trasport jekk ma jobdux il-miżuri kontra l-Covid-19
Il-Ministru Owen Bonnici jwieġeb wara lli diversi ġenituri staqsew x'se jkun qed jiġri fuq il-vannijiet tal-iskola
minn Yendrick Cioffi
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici saħaq mas-sit illum.com.mt li x-xufiera fuq it-trasport tal-iskola se jkunu jistgħu jirrapportaw lill-istudenti li ma jħarsux il-miżuri ta' mitigazzjoni biex jonqos ir-riskju tat-tixrid tal-virus tal-Covid-19.
Bonnici saħaq li se jkunu qed jittieħdu l-passi kollha neċessarji kontra dawn l-istudenti li saħansitra jistgħu jitilfu l-użu tat-trasport jekk ma jobdux ir-regolamenti.
Il-Ministru qal dan hekk kif il-gazzetta ILLUM bagħtet tistaqsih għadd ta' mistoqsijiet dwar it-trasport tal-iskejjel, hekk kif diversi kienu dawk il-ġenituri li wrew it-tħassib tagħhom.
Fil-fatt, kien hemm ġenituri li, tkellmu mal-gazzetta u li lmentaw kif ħmistax qabel tibda l-iskola għad ma għandhomx trasport għall-uliedhom minħabba s-sistema tal-bubbles, fejn l-istudenti jridu jibqgħu mal-istess grupp u ma jitħalltux.
'Għad ma hemmx trasport għal ibni...'
Fost dawn, l-ILLUM tkellmet ma' omm li għandha żewġt itfal li jattendu l-istess skola iżda mhux fl-istess lokalitajiet għax wieħed minnhom huwa fil-primarja u l-ieħor fil-kindergarten.
Minħabba l-fatt li skont il-linji gwida, ma jistax ikun hemm taħlit ta’ tfal fuq il-vannijiet tal-iskola, tal-vann ma jistax jagħmel bħal qabel, jiġifieri l-ewwel iwassal it-tfal tal-kindergarten u wara jibqa’ sejjer bit-tfal tal-primarja u l-istess jagħmel biex jiġborhom wara l-iskola.
“Il-kbir se jkollu vann, iżda ż-żgħir għad ma għandux trasport għax tal-vann mhux se jagħmel vjaġġ għalih biss. Tliet ġimgħat qabel għadu bla trasport,” insistiet din l-omm.
Kompliet tgħid mal-ILLUM li anke jekk isibulu vann, xorta waħda se tinħolqilha sfida, għax issa iż-żewġ uliedha mhux se jirkbu l-vann flimkien u mhux se jaslu lura fl-istess ħin. “X’se nagħmel bix-xogħol? Filgħodu diġà ġirja mal-ħin. Aħseb u ara issa,” kompliet tisħaq l-omm.
Min se jassigura li fuq it-trasport tal-iskejjel jiġu mħarsa l-miżuri?
Bħal din l-omm, kien hemm ġenituri oħra li wrew it-tħassib tagħhom, fosthom min se jkun qed jassigura li fuq it-trasport, l-istudenti jsegwu r-regoli, ipoġġu 'l bogħod minn xulxin u anke jilbsu l-maskra.
Fid-dawl ta' dan, il-gazzetta ILLUM bagħtet tistaqsi lill-Ministru jekk hux se jkun hemm infurzar u min se jkun responsabbli li jara li l-istudenti jobdu r-regoli fuq it-trasport.
Fit-tweġiba tiegħu mibgħuta bil-miktub, il-Ministru fakkar li kull miżura hija maħsuba biex timmitiga u tnaqqas ir-riskju. Fakkar li fuq il-vannijiet, l-istudenti se jkunu qed isegwu wkoll il-miżura importanti tal-'bubbles' fejn biex ma jkunx hemm taħlit, kull studenti jibqa' dejjem (fejn possibbli) mal-istess grupp.
"Se jittieħdu l-miżuri kollha iżda min jixtieq iwassal lil uliedu hu se jkun jista' jagħmel dan ukoll," insista Bonnici.
Insista biss li x-xufiera se jkunu jistgħu jirraportaw studenti li ma jħarsux il-miżuri.
"Jittieħdu l-passi neċessarji waqt li student jista’ jitlef l-użu tat-trasport jekk ma jobdix," temm jgħid il-Ministru Bonnici.
X'inhuma l-miżuri li japplikaw fuq il-vannijiet l-iskola?
- Il-vjaġġi jinżammu kemm jista’ jkun qosra
- Bħalma fl-iskola l-istudenti se jkollhom kuntatt mal-istess grupp, l-istess prinċipju għandu jgħodd għall-vannijiet
- Anke fuq it-trasport jinżammu rekords tal-istudenti
- It-twieqi jinżammu miftuħa fejn possibbli
- Id-distanza soċjali għandha tapplika anke fuq it-trasport
- L-istudenti u x-xufier għandhom jilbsu l-maskri
- L-iddiżinfettar tal-vetturi tibqa’ importanti