Filmat | ‘L-irwol tal-Knisja mhux li toħroġ l-istqarrijiet iżda li tifforma kuxjenza Kristjana’

Minn meta kien żgħir kien imidd idejh għax-xogħol, iħobb l-isports u għamel ħajtu jisma’ l-isfidi tan-nies u jipprova jgħinhom. Illum huwa Isqof ta’ Għawdex. L-ILLUM tiltaqa’ ma’ Monsinjur Anton Teuma

L-Isqof ta' Għawdex Anton Teuma
L-Isqof ta' Għawdex Anton Teuma

Ftit jiem biss qabel l-Ingress tiegħu bħala d-disa’ Isqof ta’ Għawdex, il-gazzetta ILLUM iltaqgħet ma’ Monsinjur Anton Teuma li għadu kemm ġie kkonsagrat Isqof ix-xahar li għadda. Iżda min hu eżatt Dun Anton?

L-Isqof Teuma beda jirrakkonta kif hu trabba f’familja sempliċi u minn età żgħira dera jmidd idejh u ma’ ħutu kien jgħin fix-xogħol tal-għalqa. Ta’ tmien snin daħal abbati, kien fil-Mużew u ta’ 18-il sena daħal is-Seminarju fejn beda l-istudji tiegħu biex isir saċerdot.

“Kont u għadni dilettant ta’ ħafna affarijiet. Inħobb il-futbol u ngħum. Sal-lum l-isports inħobbu ħafna. Kemm għadni nipprattikah, kwistjoni oħra,” kompla bid-daħka.

Wara li ġie ordnat saċerdot, mar Ruma fejn għamel disa’ snin jaħdem f’parroċċa u wara anke bħala Direttur Spiritwali fis-Seminarju tal-Papa. L-Isqof Nikol Cauchi kien talbu jirritorna fejn ħatru Rettur tas-Seminarju ta’ Għawdex. Hemmhekk, Dun Anton għamel għaxar snin.

Malli temm il-ħidma tiegħu fis-Seminajru mar jagħmel esperjenza ta’ sena fl-Art Imqaddsa u meta rritorna, l-Isqof Mario Grech talbu jkun id-Delegat tiegħu għall-ħidma pastorali fost il-familji u sal-lum responsabbli mill-Istitut Djoċesan tal-Familja.  

“Il-varjetà tal-esperjenzi hija importanti fil-ħajja ta’ kull persuna. L-ewwel esperjenzi tiegħi kienu mat-tfal u l-ġenituri, imbagħad maż-żgħażagħ, ma’ dawk li kienu qed jistudjaw biex isiru saċerdoti u mbagħad il-ħidma tiegħi kienet iffukkata mal-adulti u l-familji,” spjega l-Isqof Teuma.

Tul dawn l-esperjenzi kollha qatt ma waqaf joffri direzzjoni spiritwali u counselling, anke għax huwa studja l-pedagoġija u l-psikoloġija. 

“Parti kbira minn ħajti għamiltha nisma’ l-problemi u d-diffikultajiet tan-nies. Mhux se ngħid insolvihom imma almenu nismagħhom. Nittama li dan nibqa’ nagħmlu,” insista l-Isqof.

‘Il-Knisja mhux tal-qassisin ... fil-Knisja ma hemmx livelli’

Il-gazzetta ILLUM staqsiet lill-Isqof Teuma x’se tkun il-prijorità tiegħu bħala Isqof ta’ Għawdex.

“Diffiċli din il-mistoqsija. Jien nixtieq inħaddan kollox u lil kulħadd u f’daqqa, imma dan mhux possibbli. Kollox irid jieħu ż-żmien tiegħu,” insista l-Isqof. Għalhekk, fi kliemu, l-ewwel ftit żmien se jkun qed jiddedikah biex jitgħallem, jisma’ u jifhem biex imbagħad ikun jista’ jibda din il-mixja flimkien mas-saċerdoti u l-lajċi.

“Jiena ma nħobbx inqis il-Knisja bħala xi ħaġa tas-saċerdoti. Il-Knisja mhux tal-qassisin. Il-Knisja hija ta’ kulħadd. Jiena nixtieq li tidħol aktar fil-fond l-idea tal-Konċilju Vatikan II, jiġifieri li fil-Knisja ma hemmx livelli. Forsi aħna s-saċerdoti stess ma tantx għenna biex din l-idea tidħol għax inżommu l-poter. Il-kelma poter lanqas ma hi preċiża għax l-uniku poter li suppost hemm fil-Knisja huwa l-qadi. Nixtieq li ftit ftit tidħol aktar din l-idea,” kompla jenfasizza l-Isqof Teuma.

‘Ma nistax niskarta dak li jgħid ħaddieħor għax forsi ma jiġix il-Knisja jew ma jemminx’

Meta tiltaqa’ ma’ Monsinjur Teuma tolqtok ħafna s-sempliċità tiegħu. Forsi dan ma jinżilx tajjeb għal kulħadd. Anke l-Papa Franġisku, li addotta stil sempliċi u forsi aktar akkoljenti, sab reżistenza minn uħud ta’ ġewwa. L-ILLUM staqsiet lill-Isqof Teuma jekk jibżax li jiġrilu l-istess.

“Jiena nipprova ninfluwenza ruħi mill-Vanġelu. L-Vanġelu mhux faċli. Mhuwiex faċli għall-Insara u lanqas għalija li jien saċerdot. Il-Vanġelu huwa sfida kontinwa, sfida sana li l-istess Kelma ta’ Alla titlobha mid-dixxiplu ta’ Ġesù, inkluż minni bħala Isqof. Din it-tensjoni trid tkun fil-bagalja ta’ kull Kristjan. Il-mument li nieqaf nistaqsi jekk hux qed ngħix il-Vanġelu, nibda nemmen li dak li naħseb jien huwa l-Vanġelu,” beda jispjega l-Isqof.

Għalhekk insista li fid-deċiżjonijiet li jrid jieħu, irid iżid id-dixxerniment u mbagħad ftit ftit, iħalli dik li sejħilha “il-grazzja t’Alla,” biex taħdem permezz tiegħu, ta’ saċerdoti oħra u anke tal-lajċi.

Kien għalhekk li insista li din mhijiex xi ħaġa li jrid jagħmilha waħdu, anke għax fi kliemu, xi drabi l-lajċi jifhmu qablu x’inhi r-rieda ta’ Alla.

Ma nistax niskarta minn qabel dak li jgħidli ħaddieħor għax forsi ma jiġix il-Knisja jew ma jemminx

“Ma għandi l-ebda pretensjoni li jiena naf xi jrid Alla aktar minn mara tad-dar jew minn raġel li għandu x-xogħol tiegħu. Għalhekk importanti li nkunu flimkien. Hawn jidħol is-sens tal-Knisja. Jien li jiena Isqof, ma nistax ngħid li għandi l-monopolju fuq il-verità. Sakemm qed inwassal it-tagħlim tal-Knisja, hemm iva, għax dik hija l-verità rrivelata, iżda mbagħad fejn jidħol il-bniedem, irridu nkunu attenti għad-dixxerniment li rridu nagħmluh flimkien,” insista Monsinjur Teuma.

Għalhekk meta pprova jagħsar il-kariżma tiegħu, l-Isqof Teuma saħaq li jrid iwassal it-tagħlim tal-Knisja kif inhu, għax dan huwa dmir tiegħu, iżda fl-istess ħin iżid id-dixxerniment mhux biss fuq dak li jaħseb hu imma anke fuq dak li jgħidlu ħaddieħor.

“Ma nistax niskarta minn qabel dak li jgħidli ħaddieħor għax forsi ma jiġix il-Knisja jew ma jemminx,” kompla jenfasizza.

‘Min jirribella kontra l-Knisja ifisser li hu mweġġa’ minnha’

Illum il-Knisja ma għadhiex li kienet snin ilu. Kulma jmur anke l-attendenza fil-knejjes qed tonqos u forsi l-fidi wkoll ftit ftit bdiet tnemnem. Xi drabi l-Knisja twaħħal f’fatturi esterni, iżda l-gazzetta ILLUM staqsiet lill-Isqof Teuma jekk jaħsibx li l-Knisja, anke lokali, hux qed tħares biżżejjed lejha nnifisiha biex forsi tifhem dak li hi wkoll jista’ jkun qed tagħmel ħażin.

Anke jekk fi kliemu dan mhux dejjem jasal għand in-nies, għax il-kommunikazzjoni hija dik li hi, l-Isqof Teuma insista li dan huwa eżerċizzju li l-Knisja tagħmel kontinwament.

“Jiena konvint minn ħaġa waħda,” kompla l-Isqof. “Jiena nemmen li n-nies għandhom bżonn lil Ġesù u għalhekk għandhom bżonn il-Knisja. Din ovvjament ma nista’ nisfurzaha fuq ħadd. Illum hawn ħafna domandi, id-domanda għas-sigurtà, għal relazzjoni sbieħ u għall-imħabba. Hawn ħafna faqar u bżonnijiet. Jiena naħseb li l-Knisja trid teduka dawn id-domandi li għandhom in-nies, biex tgħinhom jifhmu li Ġesù jista’ jkun tip ta’ risposta, biex ma ngħidx ir-risposta.”

Iżda l-ILLUM twaqqfu u tfakkru li hawn ħafna li l-argument tagħhom huwa Kristu iva iżda Knisja le. Ma għandhomx problema jitolbu, anzi! Iżda bil-Knisja ma jridux jafu. 

Inweġġa’ ma’ min hu mweġġa’ u nweġġa’ wkoll għal ħuti, għax lanqas nista’ nispara lejhom u nikkundannahom. Il-ħażin jiġi kkundannat dejjem u l-abbuż ma għandnix post għalih, imma l-persuna rridu nsalvawha

Beda jwieġeb li hawn diversi tipi ta’ relazzjonijiet mal-Knisja. Hemm min ma jemminx biha, hemm min ma jħossx il-bżonn u hemm min jirribella għaliha.

“Jiena nixtieq nindaga din ir-ribelljoni. Jiena nemmen li jekk xi ħadd jirribella għall-Knisja, ifisser li huwa mweġġa’ mill-Knisja jew minn xi individwu fil-Knisja, għax wara kollox hija kważi kważi fin-natura tagħna li niġġeneralizzaw,” kompla l-Isqof Teuma. “Lanqas nista’ nippretendi li min ikun weġġa’ se joqgħod jagħżel bejn min hu ħażin u min mhuwiex. Li rridu nagħmlu bħala Knisja huwa li jkollna attenzjoni kbira biex ngħinu lil dawk li huma parti minnha biex jagħmlu esperjenza ta’ Kristu u li din tkun waħda pożittiva.”

‘Inweġġa’ ma’ min hu mweġġa’ imma anke għal ħuti s-saċerdoti’

Kompla jisħaq li bħala qassis, li għamel ħajtu jisma’ l-problemi, jiddispjaċih immens meta jisma’ li xi ħadd huwa mweġġa’ mill-Knisja.

“Inħoss qalbi tingħafas għax kważi kważi nħoss li jiena parti mill-kawża anke jekk jiena ma għamilt xejn,” kompla Monsinjur Teuma. “Inweġġa’ ma’ min hu mweġġa’ u nweġġa’ wkoll għal ħuti, għax lanqas nista’ nispara lejhom u nikkundannahom. Il-ħażin jiġi kkundannat dejjem u l-abbuż ma għandnix post għalih, imma l-persuna rridu nsalvawha. Kristu kkundanna l-ħażen ta’ kulħadd iżda lill-ebda persuna ma kkundanna. Dan irridu nagħmluh aħna wkoll, b’ħafna delikatezza, mingħajr ma nweġġgħu lill-vittmi.”

‘Il-Knisja ma tiġġudikax relazzjoni bejn żewġt irġiel u żewġ nisa’

Hawn il-gazzetta ILLUM waqfitu. Hu ħadem ħafna mal-familji. Iżda llum hawn forom differenti ta’ familji li forsi mhux dejjem iħossuhom milqugħa jew komdi fil-Knisja għax xi wħud fi ħdanha jkunu lesti biex jiġġudikawhom. X’jaħseb dwar dan l-Isqof il-ġdid?

Beda jwieġeb li hemm idea żbaljata dwar il-Knisja u kif din taħsibha fuq diversi forom tal-familji. Insista li l-Knisja mhu se tiġġudika u mhu se tikkundanna lil ħadd. Fi kliemu, il-Knisja taċċetta lil kulħadd għax hija magħmulha għall-midinbin u min iħossu perfett ma għandux postu fiha.

Il-Knisja temmen li l-ogħla forma ta’ mħabba hija dik ta’ bejn raġel, mara u t-tfal iżda tagħmel dan mingħajr ma tikkundanna jew tiġġudika b’mod negattiv esperjenzi oħra ta’ mħabba

“Il-Knisja temmen li l-ogħla forma ta’ mħabba hija dik ta’ bejn raġel, mara u t-tfal iżda tagħmel dan mingħajr ma tikkundanna jew tiġġudika b’mod negattiv esperjenzi oħra ta’ mħabba. Din qala’ l-Papa stess, iżda l-Knisja ma tistax tieqaf tgħid li dik hi l-ogħla forma ta’ mħabba ... din hija verità, kemm għax hija rivelazzjoni murija lilna fl-Iskrittura iżda anke għax aħna, il-ħin kollu nagħjtu lilha. Jiena ngħajjat lil ommi u lil missieri. Kemm indum ħaj, il-persuna tiegħi se tgħajjat mara u raġel. B’daqshekk jiena mhux qed niġġudika relazzjoni bejn raġel u raġel jew mara u mara,” spjega l-Isqof Teuma.

‘Missejt il-pjagi ta’ kulħadd u għalhekk ma nista’ niġġudika lil ħadd’

Kien hawn li insista (u saħaq li din hija l-opinjoni tiegħu) li meta xi ħadd ikun irid jgħolli relazzjoni li hija differenti minn dik ta’ raġel u mara għall-istess livell ta’ familja, jibża’ li jkun qed jagħmel dan għax ma jkunx qed jaċċetta dik ir-relazzjoni jew hu personali ma jħossux aċċettat u għalhekk ikun irid jagħtiha forma aċċettabbli.

“Għalhekk minflok noqogħdu niġġieldu jekk għandhiex tkun familja jew le, ejjew naċċettaw aktar din ir-realtà, u nħobbuhom aktar bħala parti mill-Knisja,” kompla l-Isqof. “Jiena għandi vantaġġ li missejt il-pjagi ta’ kulħadd u għalhekk ma nista’ niġġudika lil ħadd.”

‘Il-Knisja għandha tagħti attitudni ta’ ħajja mhux pożizzjoni’

Qlibna d-diskors. L-ILLUM staqsiet lill-Isqof Teuma jekk jaħsibx li l-Knisja f’Għawdex, ħdejn dik f’Malta hijiex wisq passiva, fis-sens li ftit li xejn issemma’ leħinha fuq kwistjonijiet li jolqtu n-nies fil-ħajja ta’ kuljum, bħal ngħidu aħna l-qerda tal-ambjent, il-kostruzzjoni jew inkella l-prezz tal-kirjiet.

Beda jisħaq li hemm xi ftit ta’ miżinformazzjoni dwar dan. Spjega kif pereżempju l-Kummissjoni Ambjent hija waħda interdjoċesana u għalhekk meta titkellem mhux qed tagħmel dan biss f’isem il-Knisja f’Malta u f’Għawdex.

Filwaqt li saħaq li l-Knisja trid tagħti kontribut, insista li dan mhux bilfors tagħmlu billi tagħti l-idea jew l-opinjoni tagħha iżda billi ddawwal u toħloq kuxjenza Kristjana, inkluż ta’ rispett kbir lejn il-bniedem.

“Jiena dak id-dispjaċir tiegħi li ħafna drabi nonfħu mudelli li jbaxxu d-dinjità tal-bniedem,” saħaq l-Isqof Teuma.

Iżda l-ILLUM staqsietu jekk quddiem sfidi bħall-prezzijiet tal-kera u l-faqar, il-Knisja f’Għawdex għandhiex tkun aktar voċifera. Anke quddiem realtà ta’ aktar immigranti jew persuni bi problemi soċjali li qed isibu ruħhom f’Għawdex, ‘il bogħod minn familthom, minħabba l-valur tal-proprjetà. Bħala Isqof se jibqa’ sieket?

“L-irwol tal-Knisja huwa aktar sottili,” jemmen l-Isqof Teuma. “Ħafna drabi nistennew il-Knisja toħroġ b’xi stqarrija, motto jew logo. Dak mhux l-irwol tal-Knisja. Il-Knisja trid tifforma ftit ftit il-persuni li jagħmlu parti minnha għall-ġustizzja, is-solidaretà u l-karità. Dan ma jsirx billi tispara żewġ stqarrijiet. L-irwol tal-Knisja huwa ħafna aktar moħbi. L-irwol tal-Knisja huwa ż-żerriegħa li ma tidhirx, il-melħ u l-ħmira li jsemmi Ġesù fil-Vanġelu.”

Kien hawn li Monsinjur Teuma saħaq li l-apparenza qed tiżvija xi ftit lill-Knisja.

Il-Knisja trid tgħalmek tistad u mhux tagħtik il-ħuta. Trid tagħti attitudni ta’ ħajja biex tibqa’ miegħek u mhux stqarrija biex issodd ħalq xi ħadd

“Ħu din l-intervista. In-nies se jgħidu l-Isqof qal hekk, tqum polemika u ġimgħa oħra kulħadd ikun nesa. Il-Knisja trid taħdem aktar bilmod u minn taħt. Nibża’ li xi kultant naqgħu għall-periklu li rridu nidhru tajjeb u nimpressjonaw in-nies b’dak li se ngħidu. Dak huwa periklu kbir. Dak mhux il-Vanġelu,” insista.   

Spjega kif dan ma jfissirx li l-Knisja ma għadhiex tiftaħ djar biex tgħin jew fondi biex tqassam, iżda fuq kollox trid toħloq sensibbilità u kuxjenza fil-Knisja u meta jgħid il-Knisja qed jirreferi għal kulħadd fi ħdanha.

“Il-Knisja trid tgħalmek tistad u mhux tagħtik il-ħuta. Trid tagħti attitudni ta’ ħajja biex tibqa’ miegħek u mhux stqarrija biex issodd ħalq xi ħadd,” kompla.

‘Din il-kamra se nġorra miegħu biex nibqa’ nifhem u ngħin’

L-intervista saret f’kamra li l-Isqof Teuma rrefera ħafna għaliha għax fiha sema u tkellem ma’ ħafna nies. Fl-aħħar ta’ din il-laqgħa, l-ILLUM staqsietu jekk issa li huwa Isqof hux se jkollu post għal kamra bħal din?

“Din il-kamra ġarrejtha miegħi kull fejn kont u hekk se nagħmel. Din il-kamra se nġorra miegħi l-Kurja għax irrid nibqa’ ngħin, nisma’ u nerfa’ lill-persuna għax nemmen li għal kull persuna Alla jrid l-isbaħ, l-aqwa u l-aħjar,” temm jgħid.

More in Politika